Stqarrija ta’ Alternattiva Demokratika
Issa hu l-mument li f’Malta tkun imfassala politika konsenswali dwar l-immigrazzjoni. Dan qalu Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, meta kien qed jindirizza l-aħħar konferenza stampa ta’ AD f’din il-kampanja elettorali.
Carmel Cacopardo qal li tul il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew Alternattiva Demokratika iffukat fuq materji li filwaqt li kienu ta’ relevanza għal Malta jiffurmaw parti ukoll mill-aġenda tal-UE.
Id-drittijiet diġitali kif ukoll il-kontabilita/trasparenza tal-istituzzjonijiet Ewropej ser ikunu elementi essenzjali tul il-ħames snin li gejjin tal-Parlament Ewropew. Billi ffukat fuq dawn il-materji Alternattiva Demokratika fittxet li tiddibatti materji politiċi relevanti mal-partiti politici l-ohra li kkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Sfortunatament kemm il-PN kif ukoll il-PL iktar kienu interessati li jitfgħu t-tajn lil xulxin milli jieħdu sehem f’diskussjoni politika serja.
“AD,” żied jgħid Cacopardo, “kellha l-opportunita’ li tikkummenta fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Jean Claude Junker u Martin Schultz, kandidati ghall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropeja għan-nom tal-PPE u l-Partit Soċjalista Ewropew rispettivament. Filwaqt li AD tilqa’ l-kummenti pubbliċi ta’ Junker u Schultz, tosserva għaldaqstant li dal-kummenti ma jirriżultawx mill-Manifesti Elettorali tal-partiti rispettivi.
Alternattiva Demokratika temfasizza li l-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-UE m’għandhomx jibqgħu jerfgħu r-responsabbilta għall-migrazzjoni prattikament waħedhom. Emendi għar-regoli ta’ Dublin, flimkien mal-formolazzjoni u l-approvazzjoni ta’ politika olistika tal-UE dwar il-migrazzjoni li permezz tagħha t-28 stat membru tal-UE jieħdu fuq spallejhom ir-responabbilta’ għall-migrazzjoni mingħand l-istati fuq il-fruntiera, hi t-triq ‘il quddiem.”
Carmel Cacopardo emfasizza li tul din il-Kampanja Elettorali, bħala riżultat tad-dikjarazzjonijiet ta’ Junker u Schultz, il-posizzjoni politika kemm tal-PL kif ukoll tal-PN hi issa iktar viċin dik ta’ AD milli kienet qatt qabel. Alternattiva Demokratika jidhrilha li issa hu l-waqt li l-PL, il-PN u AD jidħlu f’diskussjonijiet biex ikun ifformulat abbozz konsenswali ta’ politika nazzjonali dwar l-immigrazzjoni li għandu jservi bħala l-bażi għal kunsens nazzjonali fuq din il-materja sensittiva.
“MEP elett f’isem Alternattiva Demokratika jaħdem biex jiffaċilita dan id-djalogu kemm lokalment kif ukoll fl-istituzzjonijiet Ewropej,” ikkonkluda Cacopardo.