Dimostrazzjoni favur Ikel Nadif

GMO free

Iktar tard illum, il-Moviment favur l-Ikel Nadif (Clean Food Movement) ser jorganizza March kontra Monsanto 2014.

Dan il-Moviment huwa magħmul minn 21 għaqda, l-parti l-kbira minnhom għaqdiet ambjentali.

Il-Moviment Ikel Nadif qed jitlob li tkun imħarsa l-ekoloġija fraġli tal-gżejjer Maltin u li b’mod partikolari Malta tkun dikjarata żona ħielsa mill-Ikel Ġenetikament Modifikat (GMO Free Zone).

Il-Moviment għall-Ikel Nadif qed jitolbu lill-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem Malta biex jieħdu l-istess posizzjoni kemm individwalment kif ukoll fil-gruppi politiċi tagħhom.

Għandu jkun ċar għal kulħadd x’inhuma l-impatt tal-ftehim li qiegħed jiġi negozjat prezentement bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Istati Uniti dwar il-Kummerċ, it-TTIP (Transatlantic Trade and Investment Partnership). L-impatti tiegħu għandfhom ikunu mgħarbla kif ukoll għandu jkun suġġett għal skrutinju demokratiku.

Il-produzzjoni tal-ikel f’Malta teħtieġ skrutinju aħjar biex ikun assigurat il-ħarsien tal-konsumatur Malti minn abbużi diversi li jistgħu jirriżultaw f’diversi sustanzi kimiċi fl-ikel Malti.