Ir-riżultat elettorali s’issa

referendum.EU

Riżultat elettorali ma targumentax miegħu. Taċċettah u tipprova tifhmu.

Alternattiva Demokratika żiedet il-voti minn l-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew b’madwar 30%. Fih innifsu mhux ħażin. Imma meta tqabblu mal-bqija tar-riżultat mhux wieħed sodisfaċenti.

Huwa inkwetanti li żdiedu sewwa l-voti ta’ min imexxi l-quddiem politika ta’ vjolenza fil-konfront tal-immigrazzjoni. Dan hu rifless tal-biża’ illi l-immigrazzjoni nisslet fost uħud. Hi ukoll in parti riżultat tal-waqtiet meta mexxejja politiċi f’Malta ma ħadux posizzjoni ċara u mexxew il-quddiem politika, li, anke jekk temporanjament, ma kienet bl-ebda mod tirrispetta d-dinjita’ tal-bniedem.

Mill-bqija r-riżultat irrifletta konsiderazzjonijiet ta’ politika lokali u injora kompletament il-posizzjonijiet kemm tal-Partiti kif ukoll tal-kandidati individwali dwar issues Ewropej.

Matul is-siegħat li ġejjin ikompli l-għadd u iktar tard illum ikunu magħrufa l-ewwel ħames kandidati eletti. Dwar is-sitt wieħed jew waħda ikollna nistennew ftit iktar għax dan ser ikun jiddependi mit-trasferiment tal-voti tal-partiti ż-żgħar.

Fuq livell Ewropew, meta wieħed iqis ir-riżultati li deħlin mis-27 pajjiż l-ieħor, jidher li s-Soċjalisti Ewropej ma rebħux dawn l-elezzjonijiet. Dan iwassal għal ħaġa waħda ċara: huwa improbabbli li Martin Schultz imexxi l-Kummissjoni Ewropeja.

Nistennew.

Advertisements