L-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur Lino Bianco

 

Lino Bianco. kandidat

M’għandi xejn kontra l-Perit Lino Bianco, dan l-aħħar ukoll Professur. Nirrispettaw lil xulxin.

Imma ma nistax ma nikkummentax dwar iċ-ċerimonja tal-bieraħ il-Ġimgħa li fiha l-President tar-Repubblika formalment tagħtu l-ħatra bħala Ambaxxatur ta’ Malta għar-Rumanija.

Iċ-ċerimonja ma kelliex issir f’nofs kampanja elettorali.

Lil Lino nafu bi ftit iżjed sens komun minn hekk. Jekk il-Gvern dan ma fehmux, messha ħadet l-inizzjattiva l-President tar-Repubblika billi ipposponiet iċ-ċerimonja għal wara l-24 ta’ Mejju.

Dan qed ngħidu mhux biss minħabba li Lino jista’ jiġi elett (avolja mhux probabbli) imma iktar minħabba li m’huwiex xieraq li persuna maħtura biex tirrappreżenta lir-Repubblika ta’ Malta bħala ambaxxatur tinvolvi ruħha f’attivita ta’ kontroversja politika. Safejn naf jiena m’hemmx kontroversja politika ikbar minn kampanja elettorali!

Dan dejjem jgħodd sakemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat m’hux qed jkkunsidra l-ex Ambaxxatur Richard Cachia Caruana (RCC) bħala mudell għall-imġieba xierqa tal-ambaxxaturi l-ġodda. Tul il-ħatra tiegħu bħala ambaxxatur RCC kien attiv ukoll fil-PN bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv tiegħu, apparti f’ħidma oħra ta’ politika partiġjana.