Nhar il-Ġimgħa li għaddiet għalaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar id-dokument ippubblikat mill-MEPA fuq l-ippjanar tal-iżvilupp fil-kampanja, intitolat Outside Development Zone – Policy and Design Guidance.
Dan id-dokument fih proposti li l-konsegwenzi tagħhom jistgħu jkunu sostanzjali u dan minħabba li jinkoraġixxu żvilupp, anke jekk dan hu limitat, fil-kampanja.
Kien fil-fehma tiegħi essenzjali li flimkien ma’ dan id-dokument ta’ proposti ta’ politika dwar żvilupp fl-ODZ il-MEPA tippubblika ukoll studji dwar x’wassal għal dawn il-konklużjonijiet.
Kemm hu kbir in-numru ta’ irziezet abbandunati? Fejn qegħdin? Hemm żoni fejn hemm konċentrazzjoni ta’ dawn l-irziezet abbandunjati? Jekk il-MEPA għandha din l-informazzjoni messha ippubblikata. Jekk min-naħa l-oħra din l-informazzjoni ma’ nġabritx ma nistax nifhem kif u għaliex ġie ippubblikat dan id-dokument.
Dan id-dokument jiftaħ il-possibilitajiet għal żvilupp fil-kampanja għall-agrituriżmu. Jorbot din il-possibilita ma sittin tomna art. Imma mbagħad jgħaddi biex jikkonċedi l-possibilta’ tal-bini ta’ mhux iktar minn għaxart ikmamar li komplessivament ikollhom qies li ma jaqbiżx l-400 metru kwadru. X’jiġġustifika din il-proposta? X’tip ta’ agrituriżmu hu ipproġettat?
Wisq nibża’ li għall-awtriċi tad-dokument (u min assistiha) l-agrituriżmu hu t-trasferiment ta’ numru ta’ sodod tal-lukandi f’ambjent rurali. Fil-fatt hu ferm differenti. Il-punt tat-tluq tal-agrituriżmu hu esperjenza tal-ħajja rurali fi-raba’ jew f’irziezet li fihom jitrabbew il-bhejjem.
Għax ma nħarsux ftit lejn l-esperjenza fl-Italja u nippruvaw nitgħallmu ftit. Dawn l-esperjenzi juru li d-daqs medju ta’ lokal agrituristiku hu wieħed li jiprovdi għaxar sodod, jiġifieri madwar ħamest ikmamar. Il-qofol tal-esperjenza agrituristika hi l-agrikultura mhux it-turiżmu. Magħha tista’ iżżid esperjenzi oħra ta’ natura kumplimentari bħall-mixjiet fil-kampanja u apprezzament u/jew l-istudji tan-natura.
Id-dokument propost mill-MEPA qed jagħmel żball fundamentali. Kien ikun aħjar għal kulħadd, l-iktar għall-bdiewa infushom li fl-ewwel snin il-politika dwar l-ODZ tiffoka fuq l-użu tal-bini agrikolu vojt kif ukoll fit-tindif tal-kampanja u taż-żoni rurali minn bini illegali. Proposta ta’ din ix-xorta kienet tkun waħda leġittima u kien ikollha l-appoġġ ta’ kulħadd. Imbagħad wara numru ta’ snin kien ikun ġustifikat li jkunu eżaminati r-riżultati miksuba u minn hemm wieħed ifassal kull azzjoni oħra li tista’ tirriżulta meħtieġa.
Ikun għaqli jekk id-dokument propost mill-MEPA jkun revedut b’mod li jelimina l-possibilita li jsir bini ġdid fil-kampanja. Hu b’hekk biss li l-ODZ tibqa’ żona barra l-linja ta’ l-iżvilupp. Dan fl-interess ta’ kulħadd. Inkluż tal-bdiewa.
ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2013
Carm,
dan il-gvern ma ghandu l-ebda interess jew xewqa li jhares l-ambjent. Sa issa hlief kisser il-ftit li kien ghad baqa ma ghamilx. Gvern li juri li huwa rikattat u mixtri mill-izviluppaturi u mhux biss biegh ruhu ghalihom imma anki biegh il-pajjiz lilhom. Ara jekk issibx imqarr xi azzjoni wahda li verament twassal biex tghin lill-ambjent. Xejn. Sar gvern kapitalista bhal ma kienu ta’ qablu. Imsieken il-generazzjoniet ta’ għada. X’ma jipprotestawx l-għaqdiet u l-pubbliku? Muscat irnexxilu jidhaq bina lkoll.