Il-mutetti ta’ Joseph Muscat u Ġieħ ir-Repubblika

Moviment Graffiti developers rule.hakma tal-ispekulaturi

Illum kienet l-ewwel okkazjoni  li fiha l-Gvern immexxi minn  Joseph Muscat f’Jum ir-Repubblika kien responsabbli għar-rikonoxximent ta’ Maltin u barranin permezz tal-għoti ta’ Ġieħ ir-Repubblika.

Ġieħ ir-Repubblika u l-Onorifiċenzi l-oħra li jagħti l-istat għandhom l-iskop li permezz tagħhom tkun rikonoxxuta l-ħidma ta’ persuni li jagħmlu ġieħ lill-pajjiż.

Permezz ta’ dan ir-rikonoxximent il-pajjiż ikun qed jgħid grazzi.

Nifhem u naqbel mal-għażla ta’ Joanne Cassar għal Ġieħ ir-Repubblika. Tirrappreżenta lill-komunita’ transgender u l-ġlieda ta’ din il-komunita kontra id-diskriminazzjoni imposta’ fuqhom mill-istat Malti tul is-snin.

Imma fil-waqt li tirrikonoxxi lil Joanne Cassar kif tista’ fl-istess nifs tagħti l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu lil Valentina Matviyenko, politika Russa li tikkampanja attivament kontra id-drittijiet tal-persuni LGBTI?

Xi ħadd f’Kastilja ma jafx x’inhu jagħmel.

Għandu raġun Alex Vella Ġera li irrifjuta Ġieħ ir-Repubblika għax ma jridx ikun assoċjat ma dan it-teatrin.

It-teatrin ma waqafx hawn.

Ġieħ ir-Repubblika ingħata ukoll lil Astrid Vella. Jixraqilha. Ħaqqha għal mod determinat kif kienet strumentali tul is-snin (flimkien ma bosta oħrajn) li ġġib l-istupru ambjentali fuq l-aġenda nazzjonali. Imma kif tista’ l-istess id li tapprova Ġieħ ir-Repubblika lil Astrid Vella tmexxi l-quddiem ir-reklamazzjoni tal-baħar,  l-iżvilupp fl-ODZ   kif ukoll tiġġustifika l-istupru fuq l-Għolja tax-Xemxija (ex-mistra Village)?

Kien jonqos biss li jagħti Ġieħ ir-Repubblika lil dawk id-9 membri tal-Bord tal-MEPA li ivvutaw favur il-permess tal-iżvilupp enormi fuq l-art tal-Mistra Village.

Għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew : f’isem Alternattiva Demokratika

Cassola + Cacopardo

Alternattiva Demokratika illum ħabbret li ż-żewġ kandidati tagħha għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ser ikunu jiena u Arnold.

Għal Arnold din ser tkun it-tielet esperjenza, għalija l-ewwel waħda.

Il-Parlament Ewropew qed jassumi importanza dejjem ikbar mhux biss fit-tfassil tal-politika Ewropeja fl-oqsma kollha tagħha. Fuq numru ferm ikbar ta’ issues id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew hi determinanti. Hi saħħa akkumulata mill-Parlament minħabba li hu elett demokratikament u direttament miċ-ċittadin Ewropej. F’kull nifs li jieħu l-Parlament Ewropew jeffettwa dak kollu li nagħmlu aħna ukoll.

Matul il-ġimgħat li ġejjin ser ikollna l-opportunita’ li f’din il-blog niddiskutu dawn l-issues, b’mod partikolari kif dawn jolqtu lill-Malta.

L-Ewropa m’hiex dawk jew huma, iżda hi aħna ukoll.

Għax l-Ewropa hi aħna ukoll għandna l-obbligu ta’ parteċipazzjoni kritika f’dak kollu li jiġri fl-istituzzjonijiet Ewropej. Mhux appoġġ servili, iżda appoġg kritiku li jfittex li jmexxi l-quddiem politika responsabbli. Dejjem.

Dan li dejjem għamlet Alternattiva Demokratika. Dan ser tibqa’ taghmel.