Żmien il-bużullotti għadu magħna

paramount coaches

Fil-qasam tat-transport pubbliku, minkejja l-paroli w it-tejatrin, żmien il-bużullotti għadu magħna. Jekk hux ser idum jew le għad irridu naraw.

Wasalna sa hawn għax il-Gvern ta’ Gonzi kellu fiduċja f’esperti li ma jifhmux u f’Ministru li jeċċella fil-bluff.

It-Trasport Pubbliku falla diversi snin ilu u r-riforma tiegħu kienet teħtieġ attenzjoni u sensittivita. It-tnejn li huma kienu nieqsa mir-riforma li wikkewlna. Għax filwaqt li kien hemm titjib fil-kwalita’ tal-karozzi tal-linja użati din ma kienitx riflessa ukoll fil-kwalita’ tas-servizz.

Il-puntwalita’, li f’diversi lokalitajiet kienet l-unika ħaġa tajba fis-servizz l-antika tat-trasport pubbliku, kienet l-iktar ħaġa li spikkat. Issa l-puntwalita’ hi l-iktar ħaġa bażika fis-servizz pubbliku. Flimkien mal-firxa tas-servizz hi l-iżjed fattur essenzjali li a bażi tagħha n-nies tagħżel li titlaq il-karozza privata d-dar.

Il-kejl tas-suċċess tat-trasport pubbliku m’huwiex biss li dan ikun ta’ kwalita’ iżda fuq kemm jirnexxilu jħajjar lin-nies jagħmlu użu minnu. It-tnaqqis tat-traffiku mit-toroq, għaldaqstant hu wieħed mill-modi kif nistgħu inkejlu s-suċċess jew le tat-trasport pubbliku. Jekk dan iseħħ inkunu nistgħu ngħidu li qed noqorbu lejn soluzzjoni. Jekk le, żmien il-bużullotti jibqa’ magħna.