Xi jridu l-kaċċaturi ……………

referendum.EU

Il-kaċċaturi qed jiġbru l-firem biex permezz ta’ petizzjoni jitolbu lill-Parlament sabiex dan jemenda l-liġi tar-referendum. Qed jitolbu li fejn ikunu ser jintlaqtu interessi ta’ xi minoranza ma jkunx jista’ jsir referendum abrogattiv.

Issa tajjeb li nifhmu li kull fejn hemm polemika taħraq – u l-kaċċa fir-rebbiegħa hi polemika taħraq li ilha magħna għal diversi snin – ser ikun hemm min jaqbel u min ma jaqbilx. Dan iwassal biex ikun hemm maġġoranza li jkollha opinjoni u minoranza li jkollha opinjoni differenti!

Dan hu minn awl id-dinja. Dwar kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx.

Fuq ħafna affarijiet jieħu d-deċiżjoni l-Parlament jew il-Gvern u minkejja li jkun hemm kemm min jaqbel kif ukoll min ma jaqbilx l-affarijiet jieqfu hemm.

Imma hemm affarijiet li minkejja li l-Parlament u/jew il-Gvern jieħu deċiżjoni dwarhom l-opinjoni pubblika tibqa’ tbaqbaq kontra dak li jkun ġie deċiż. Għal dawn iċ-ċirkustanzi qiegħed il-proċess ta’ referendum abrogattiv: referendum li permezz tiegħu 10% tal-votanti jsejħu lill-bqija biex flimkien jieħdu id-deċiżjoni huma. Deċizjoni li torbot li kulħadd.

Fi ftit kliem allura, meta l-kaċcaturi u dawk li jaqblu magħhom qed jitolbu li tkun emendata l-liġi tar-referendum qed jgħidu li ma jridux illi d-deċiżjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jeħduha l-votanti direttament. Iridu li jibqgħu jeħduha l-Gvern u l-Parlament.

Issa meta nafu li l-Parlament u l-Gvern huma illum (u kienu hekk ukoll il-bieraħ) ostaġġi tal-interessi tal-kaċċaturi dan ifisser biss li mhux biss jibqa’ kollox kif inhu talli d-deċiżjonijiet jibqgħu jittieħdu kontra x-xewqat tal-opinjoni pubblika.

Il-kaċċaturi permezz tal-petizzjoni taghħom qed imexxu l-quddiem proposta li hi essenzjalment anti-demokratika.

Il-liġijiet ta’ Malta sal-lum jipprovdu l-għodda demokratika tar-referendum abrigattiv. Din l-għodda kif rajna tul is-snin mhux faċli biex tagħmel użu minna tant li kemm ilha teżisti ħadd ma għamel użu minnha.

Issa fl-aħħar inqalgħu ċirkustanzi li fihom l-għodda demokratika tar-referendum abrogattiv tista’ tkun is-soluzzjoni.

Bis-serjeta’ nemmnu fid-demokrazija? Lesti li nħalluha taħdem?

Matul il-ġimgħat li ġejjin insiru nafu t-tweġiba tal-Gvern għal dawn il-mistoqsijiet.

Sadanittant nafu x’iridu l-kaċcaturi. Iridu li jiġu mnaqqsa d-drittijiet demokratiċi tiegħek u tiegħi.