Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar David Pace f’rapport li ġie ippubblikat il-bierah it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2013 fi ftit kliem jgħid li l-permessi għall-iżvilupp mill-ġdid tal-Mistra Village huma froġa oħra tal-MEPA. Dan jagħmlu wara li mexxa investigazzjoni fuq talba ta’ Din l-Art Ħelwa.
Il-frejjeġ fil-MEPA li kienu jsiru taħt Lawrence Gonzi, George Pullicino u Mario Demarco għadhom qed isiru taħt Joseph Muscat u Michael Farrugia.
Hu ġustifikat, jgħidilna l-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar, li l-permessi għall-iżvilupp tal-Mistra Village jkunu irtirati.
Ir-rapport li tistgħu taqrawh fuq is-sit elettroniku ta’ Din l-Art Ħelwa jagħti raġunijiet dettaljati biex jispjega għaliex il-Kummissarju David Pace wasal għal din il-konklużjoni. Ir-rapport jispjega xi tħalla barra fil-konsiderazzjonijiet li għamel id-Direttorat tal-Ippjanar u jgħid li l-Bord tal-MEPA kien iggwidat ħażin mill-Major Projects Unit tal-istess MEPA. Il-Bord tal-MEPA ngħata informazzjoni nieqsa u informazzjoni żbaljata.
F’pajjiż ċivilizzat il-Bord tal-MEPA kien jirreżenja en bloc wara deċiżjoni bħal din.
Darba waħda hekk kien sar meta l-Perit Joseph Falzon kien ħareġ rapport dwar il-permess abbużiv tal-LIDL ta’ Ħal-Safi fuq talba għal investigazzjoni li dakinnhar kienet saret minn Alternattiva Demokratika . Dakinnhar 6 minn 7 membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp li approvat il-permess kienu irriżenjaw lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Ma nafx kemm il-wieħed jew waħda mill-membri tal-Bord tal-MEPA għandhom il-kuraġġ li jammettu li għamlu żball u li għandhom iħallsu tiegħu billi jirreżenjaw.
Nistennew u naraw.