Wara l-maltemp ta’ dawn l-aħħar ġranet ix-xena li bosta minna jiftakru hi dik ta’ kwantita’ kbira ta’ ilma fit-toroq tagħna. Riħa ta’ drenaġġ f’uħud mit-toroq u tappieri tad-drenaġg ifuru f’ xi toroq oħra.
Sitwazzjoni li bla dubju ddejjaq lil bosta. Toħloq inkonvenjent lil kulħadd u ma tagħmel ġid lil ħadd.
Filwaqt li nkun l-ewwel wieħed li naċċetta li l-intensita’ tal-maltempati hi effett tat-tibdil tal-klima ma naħsibx li jiena waħdi li osservajt li m’hemmx il-ħtieġa ta’ xi maltempata qawwija biex f’Malta jfur id-drenaġġ jew biex ikollna kwantita’ kbira ta’ ilma fit-toroq.
Il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja li permezz tiegħu dawn l-ilmijiet ser jinġabru u l-parti l-kbira minnhom jintefgħu l-baħar qatt ma kienet is-soluzzjoni ġusta.
L-ilmijiet fit-toroq u d-drenaġġ ifur huma riżultat ta’ dawk li filwaqt li bnew, uħud għalihom u oħrajn għan-negozju, ma ħaffrux (jew bnew) bjar fil-propjetajiet tagħhom. L-ilma tax-xita li suppost inġabar fil-bjar spiċċaw tefgħuh fit-toroq jew fid-drenaġġ.
F’dan iż-żmien tas-sena, meta ftit li xejn għadha għamlet xita f’Malta, l-parti l-kbira tal-bjar li huma mibnija sewwa u tal-qies addattat kienu għadhom vojta qabel ma għamel il-maltemp ta’ dan l-aħħar. Kien faċli li bjar kważi vojta jimtlew bix-xita li għamlet. Dan kien ikollu l-konsegwenza li kien jonqos ħafna ilma tax-xita mit-toroq kif ukoll li kien jonqos ħafna ilma tax-xita mis-sistema tad-drenaġġ. B’hekk inqas kien ikun hemm ċans li tfur is-sistema tad-drenaġġ.
Dawk responsabbli għal dan kollu huma dawk li bnew flats u maisonettes tul is-snin f’kull rokna ta’ Malta. Flok ma lestew bjar biex fihom jiġbru l-ilma tax-xita għażlu li jarmu l-ilma tax-xita fit-toroq jew fid-drenaġġ!
L-anqas li kellna ilma kemm irridu ma kien ikun ġustifikat li wieħed jaġixxi b’dan il-mod. Aħseb u ara meta wieħed iqis li aħna wieħed mill-iktar pajjiżi nieqsin mill-ilma fid-dinja!
ippubblikat f’iNews tat-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2013