L-ekonomija l-ħadra

green new deal

Qed nirreferi għal dik il-ħidma ekonomika li titfassal jew titwettaq b’mod li tagħti każ tal-impatti ambjentali. Il-karatteristiċi ewlenin li jiddistingwu attivita’ meqjusa bħala li tappartjeni lill-ekonomija l-ħadra minn attivita oħra huma: tnaqqis fl-emmissjonijiet, tnaqqis fit-tniġġis, effiċjenza fl-użu tal-enerġija w ir-riżorsi, li tkun evitata t-telfa tal-bodiversita’ u l-ħarsien tas-servizzi li kontinwament tagħtina (b’xejn) l-ekosistema.

L-ekonomija l-ħadra taħdem flimkien man-natura, mhux kontra tagħha. Allura tfittex li tnaqqas l-impatti ambjentali tal-ħidma ekonomika f’kull qasam. Hi u tagħmel hekk toħloq ix-xogħol.

Toħloq ix-xogħol fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa u alternattiva kif ukoll fil-ħidma biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Ix-xogħol jinħoloq ukoll fil-proċess li jrid iwassalna sal-punt li ma niġġenerawx iktar skart. Dan ifisser li mhux biss irridu narmu inqas imma bħala pajjiż hu meħtieġ li nkunu kapaċi nirriċiklaw iktar dak li ma jkollniex iktar użu għalih. Ir-rimi tal-iskart hu rimi ta’ riżorsi prezzjużi li fil-parti l-kbira tal-każi nistgħu nsibu użu ieħor għalhom.

L-ekonomija l-ħadra toħloq ix-xogħol ukoll fil-qasam tat-trasport pubbliku. Nafu li trasport pubbliku effiċjenti (meta xi darba jkollna) jnaqqas b’mod sostanzjali t-tniġġis tal-arja fl-ibliet u l-irħula tagħna. Jnaqqas ukoll l-istorbju iġġenerat minn traffiku kontinwu. Dan iseħħ billi (meta jkun effiċjenti) t-trasport pubbliku jħajjar iktar persuni minna biex nagħmlu użu minnu flok ma nagħmlu użu mill-karozzi privati tagħna. Fuq perjodu ta’ żmien trasport pubbliku effiċjenti jista’ jikkonvinċina li wara kollox nistgħu ngħaddu mingħajr karozza privat. Ta’ l-inqas nitħajjru nnaqsu l-karozzi fil-familji. Dan nistgħu nagħmluh meta nkunu konvinti li jkun jaqbel li nagħmlu dan.

Din tkun sitwazzjoni li minnha jirbaħ kulħadd. Jirbaħ il-pajjiż kollu għax ikollna kwalita’ ta’ arja aħjar. Nirbħu aħna lkoll mhux biss għax ninqdew aħjar imma ukoll għax innaqqsu l-ispejjes biex ikollna l-karozzi privati.

Tirbaħ ukoll l-ekonomija tal-pajjiż għax bil-ħidma tal-ekonomija l–ħadra jkunu ġġenerati l-impiegi. Impiegi b’differenza. Impiegi ħodor (green jobs) li permezz tagħhom jinħoloq il-ġid mingħajr ma issir ħsara ambjentali.

ippubblikata fuq iNews it-Tnejn 16 ta’ Diċembru 2013