Għawdex presepju?

circular economy

L-aċċess liberu u immedjat bejn Malta u Għawdex mhux xi ħaġa li bdejna nargumentaw dwarha issa. L-argument ilu għaddej is-snin. Niftakar, meta kont għadni żgħir nisma’ l-argumenti sħan dwar il-possibilita’ ta’ pont bejn Malta u Għawdex fis-snin 60. Riċentement l-argument issoffistika ftit ruħu u hemm min hu mħajjar mill-ħolqien ta’ mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex.

Qabel iżda ma wieħed iqies jekk proġett bħal dan jistax isir, kif ukoll kemm jiswa’ u minn fejn ser jitħallas, ikun għaqli li nifhmu ftit xi skop irridu li jintlaħaq bi proġett bħal dan, u dan qabel ma nibdew biss nidħlu fid-dettall biex nikkunsidraw l-impatti ambjentali.

Bla dubju l-iskop ta’ min imexxi l-quddiem l-idea ta’ għaqda fiżika permezz ta’ pont jew mina  hu li din l-għaqda fiżika tnaqqas il-ħin biex persuna residenti Għawdex tasal għax-xogħol jew għal-istudju l-Universita’ f’Malta. Tiffaċilita’ ukoll il-ħidma tal-industrija li jonqsulha d-diffikultajiet biex twassal il-prodotti tagħha lejn is-swieq, kemm dawk lokali kif ukoll dawk barranin. Fi ftit kliem min imexxi l-quddiem l-idea ta’ pont jew mina jara dawn l-aspetti posittivi li jirriżultaw mill-fatt li Għawdex ikun parti integrali minn Malta. Pero’ sfortunatament jinsa’ l-bqija. Ma tistax u m’għandex, biex tmexxi l-quddiem l-idea tiegħek tarmi l-ideat ta’ ħaddieħor.

Ma nafx jekk qatt ġiex ikkunsidrat l-impatt fuq it-turiżmu tal-proposta ta’ mina jew pont. Għax b’mina jew pont, lit-turist ftit jibqa’ xi jħajjru biex jibbaża ruħu f’Għawdex waqt il-mawra tiegħu f’dawn il-gżejjer. B’pont jew mina, l-attrazzjoni ta’ Għawdex għat-turist tkun kważi identika bħal dik ta’ reġjuni oħra fil-gżejjer Maltin. Filwaqt li dan għalija hu ovvju, tajjeb li jsir eżerċizzju biex dan ikun ikkwantifikat biex meta jittieħdu d-deċiżjonijiet kulħadd ikun jaf x’inhu jagħmel, fejn qiegħed u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dak li nippjanaw u nagħmlu.

Għax fl-aħħar irridu bħala pajjiż niddeċiedu mhux jekk Għawdex ikunx magħqud ma’ Malta b’pont jew mina, imma dwar x’direzzjoni ekonomika għandha tieħu l-gżira Għawdxija. It-turiżmu f’Għawdex żgur li għandu potenzjal li jikber . Mhux qed nirreferi għat-turiżmu tradizzjonali iżda dak magħruf bħala eko-turiżmu.

L-eko-turiżmu għandu potenzjal kbir f’Għawdex. Jista’ faċilment jaħdem id f’id ma l-agrikultura u mal-ħarsien tal-ambjent. Inħarsu l-ambjent u nkattru x-xogħol permezz ta’ turiżmu li jirrispetta n-natura.

Bħalissa qed nitkellmu ħafna dwar l-agri-turiżmu fil-kuntest ta’ tibdil tal-politika tal-ippjanar dwar l-użu tal-art f’żoni agrikoli. Ma ġewx ippubblikati studji li jiġġustifikaw dak li ġie propost. Hemm ħafna potenzjal.

Per eżempju minn studji diversi li saru nafu li n-natura għandha effett terrapewtiku. Meta l-bniedem jirristabilixxi l-kuntatt dirett tiegħu man-natura iserraħ il-menti tiegħu u jikkalma. Il-kuntatt dirett man-natura tnaqqas l-istress.  Hemm branka ta’ xjenza magħrufa bħala eko-terapija li tistudja kif in-natura tista’ tkun utilizzata iktar fil-qasam tas-saħħa mentali. NGO Ingliża fil-qasam tas-saħħa mentali meta xi snin ilu ippubblikat ir-rapport tagħha intitolat Eco-therapy : A Green Agenda for Mental Health emfasizzat li n-natura għandha l-potenzjal li tkun għodda utli ħafna għall-futur tas-saħħa mentali tagħna lkoll. Dan jista’ jsir b’diversi modi: b’mixjiet fil-kampanja, tours ċiklistiċi, żjarat fir-rżiezet inkluż li ngħixu għall-perjodu ta’ żmien fost komunitajiet ta’ bdiewa jew sajjieda ………… u bosta ħidmiet oħra. Din hi ħidma li tfittex li tistabilixxi mill-ġdid ir-rabta bejn il-bniedem u n-natura. Din hi attivita’ li tnaqqas l-istress, ir-rabja, l-ansjeta’, l-għejja mentali u problemi diversi oħra ta’ saħħa mentali. (ara ukoll fuq l-istess suġġett il-blogpost tiegħi  Reconnecting to Our Roots)

Dan kollu hu fost il-potenzjal li għandu Għawdex. Potenzjal li joħloq ix-xogħol imma fil-ħolqien tiegħu jirrispetta l-ambjent. It-turiżmu flimkien mal-ambjent joffri futur interessanti għal Għawdex, ferm iktar milli jkun presepju.

Ibbazat fuq il-kummenti ippubblikati f’Illum : il- Ħadd 29 ta’ Dicembru 2013