Għaliex Referendum Abrogattiv dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa

No more Spring Hunting

Referendum abrogattiv isir fuq inizzjattiva popolari. Mhux għax iridu l-Gvern.  L-inizjattiva u l-proċeduri meħtieġa ma jiddependux mill-Gvern tal-ġurnata. Ir-rwol tal-Gvern hu biss ta’ spettatur: iħares u josserva x’inhu jiġri.

Dan it-tip ta’ referendum ifisser li l-pubbliku permezz tas-soċjeta’ ċivili jorganizza ruħu biex titħassar miżura legali: liġi jew regolamenti jew parti minnhom. Isir minħabba li l-forzi politiċi fil-Parlament ikunu naqsu li jaġixxu skond kif tixtieq l-opinjoni pubblika.

Fis-soċjeta’ tagħna mhiex xi ħaġa ta’ kuljum li differenza ta’ opinjoni bejn il-pubbliku u l-Parlament twassal biex is-soċjeta ċivili tieħu l-passi u taġixxi hi. Fil-fatt minkejja li d-dritt ta’ referendum abrogattiv ilu jeżisti sa mill-1998 qatt s’issa ma ġie użat.

Differenzi ta’ opinjoni fil-pajjiż ikun hemm kontinwament, imma biex dawn id-differenzi jwasslu għal referendum abrogattiv teħtieġ li jkunu dwar materji ta’ serjeta’ kbira li dwarhom ikun hemm sensittivita’ fis-setturi differenti tas-soċjeta.

Huwa dan li wassal għall-formazzjoni tal-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa li permezz tagħha tlettax-il għaqda ambjentali  flimkien ma’ Alternattiva Demokratika poġġew l-isforzi tagħhom flimkien għal dan l-għan komuni. Sal-lum kien rari ħafna li twaqqfu dawn it-tip  ta’ koalizzjoni. Fil-passat kellna l-Front kontra l-Golf Course u l-Front kontra l-Hilton.

Il-qagħda bħalissa hi li l-partiti politiċi fil-Parlament iddeċidew tul is-snin li l-veduti tal-lobby tal-kaċċa kienu iktar importanti minn dawk tal-lobby ambjentali. Iddeċidew li jipproteġu l-kaċċa fir-rebbiegħa minkejja li jafu li l-maġġoranza kbira tal-poplu Malti ma taqbilx ma dan. Dan għamluh minħabba konsiderazzjonijiet elettorali, għax il-lobby tal-kaċċa kien iktar organizzat jinsisti b’qawwa dwar it-talbiet tiegħu. L-insistenza tal-lobby ambjentali kien wieħed iktar paċifiku u allura għal snin twal kien “taken for granted” .

Li l-poplu Malti huwa kontra l-kaċca fir-rebbiegħa mhux biss jafha kulħadd imma ġiet ukoll imkejla mill-poll li sar mill-Malta Today iktar kmieni din is-sena fejn ġie identifikat li ftit inqas minn 60% tal-votanti ma jaqblux mal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-lobby tal-kaċċa qed tgħid li l-kaċċa hi dritt. Qed jgħidu li għandhom id-dritt li joqtlu l-gamiem u s-summien fil-ħarifa meta dawn huma fl-iktar perjodu debboli u jeħtieġu protezzjoni. Għax żmien ir-rebbiegħa u ż-żmien meta l-għasafar ibejtu. Jpassu minn fuq Malta fi triqithom biex ibejtu.

Ir-Referendum propost jagħti lura lill-għasafar il-protezzjoni meħtieġa. Għax anke l-Għasafar huma  tagħna lkoll.