Niżilli għasel id-diskors tal-bieraħ, lejliet il-Milied, tal-President tar-Repubblika, fejn tkellem dwar il-ħtieġa li nifhmu iktar l-impenn tagħna l-Maltin favur is-solidarjeta.
Il-President Abela, kif inhu xieraq, kien meqjus fi kliemu. Uża l-opportunita biex min għandu sens li jifhem jifhem. Dawk kollha li huma fil-ħajja pubblika għandna l-obbligu li iffaċċjati bil-kriżi tal-immigrazzjoni mill-baħar ma nirrikorrux għall-populiżmu.
Din kienet sena fejn kellna min rewwaħ il-mibgħeda razzjali. Kellna min ipprova jirkeb il-kultura tal-indifferenza li qed tittrasforma liċ-ċentru tal-Mediterran f’ċimiterju.
Kliem il-President Abela hu f’waqtu. Tajjeb li nippriedkaw is-solidarjeta, iżda meta jiġi l-waqt għandna l-obbligu li nipprattikawha ukoll. U l-ewwel pass hu li ħadd ma jrewwaħ għas-sentimenti ta’ mibgħeda razzjali.
Grazzi, Sur President. Il-Milied it-tajjeb.