Spażji miftuħa : 15-il minuta l-bogħod

Li jkollna żieda konsiderevoli ta’ spazji miftuħa, kif ukoll li nassiguraw li dawn l-ispazji miftuħa jkunu aċċessibli għal kulħadd hi politika tajba. Il-fatt li bħalissa għandna nuqqas ta’ spazji miftuħa u aċċessibli huwa riżultat tal-falliment tal-ippjanar tal-użu tal-art kif ipprattikat f’Malta. Sfortunatament dan hu orientat lejn l-ispekulazzjoni flok ma hu ffukat lejn użu aħjar tal-art bħala kontributur għal titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Gvern nieda proġett biex jinvesti €700 miljun ħalli jtejjeb l-ispazji miftuħa eżistenti kif ukoll biex joħloq oħrajn inkella biex iħajjar lil min jieħu inizjattivi f’dan is-sens. Ħadd mhu ser joġġezzjona għal proġetta ta’ din ix-xorta sakemm dan ma jkunx skuża li warajha tkun ser tinħeba xi ħaġa oħra li illum mhux dikjarata.

Biex proġett ta’ din ix-xorta jirnexxi jeħtieġ li jkun parti minn viżjoni fit-tul, viżjoni li mhux biss tħares lejn titjib madwarna imma fuq kollox tkun immirata biex in-natura terġa’ tkun integrata mill-ġdid f’ħajjitna u madwarna. Iktar minn investiment finanzjarju neħtieġu bidla fl-attitudni li twassal biex nibdew inqiesu l-ispazji pubbliċi bħala parti essenzjali mill-infrastruttura meħtieġa għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna.

Filwaqt li hu oġġettiv tajjeb li noħolqu spazji pubbliċi ġodda, u li ntejbu dawk li għandna, ikun ferm aħjar kieku bħala l-ewwel pass nagħmlu ħilitna biex inħarsu l-ispazji miftuħa li diġa għandna,  nħarsuhom u ma nħalluhomx jinqerdu.  Il-ġonna privati, uħud minnhom kbar, li jiffurmaw parti integrali miż-żoni urbani u mill-qalba tal-irħula tagħna ilhom żmien jinqerdu biex flokhom jinbnew blokki ta’ flattijiet.  Dawn għandhom ikunu minn tal-ewwel  spazji muftuħa li nħarsu jekk verament nemmnu fuq l-importanza tagħhom. Dawn il-ġonna servew bħala l-pulmun tal-komunitajiet lokali tagħna għal ħafna snin. Għalkemm huma propjetà privata dawn taw kontribut kbir għall-ħarsien tal-komunitajiet tagħna. Dan kollu ma jiswiex flus. Jeħtieġ biss ftit konsistenza u rieda tajba.

Imbagħad ikun imiss l-art agrikola li qed tintilef b’rata mgħaġġla. L-art agrikola ukoll hi taħt assedju:  qed tinbela fi kwantitajiet mhux żgħar mill-bini tat-toroq, proġetti ta’ żvilupp inkella minn min irid jirriżervha għalih għad-divertiment għall-BBQ jew picnic fejn jistrieħu ftit il-bogħod minn għajn in-nies.  Dan kollu qed jeqred l-għixien tal-bdiewa u tal-familji tagħhom li għal snin kbar ħadu ħsieb ir-raba’ b’tant dedikazzjoni u ipprovdew l-ikel għall-pajjiż.  Dan ukoll ma jiswiex flus. Jeħtieġ awtoritajiet li jaħdmu sewwa, li m’għandniex!

Ix-xewqa li lkoll għandna għal iktar spazji miftuħa hi rifless tal-ħsieb iberren f’moħħna li nerġgħu nistabilixxu kuntatt sod mal-egħruq tagħna, man-natura. In-natura hi ċentrali f’ħajjitna, u iktar nies, dan qed jirrealizzawħ u japrezzawħ. Dan ifisser li permezz tal-ispazji miftuħa irridu nintroduċu n-natura mill-ġdid fil-lokalitajiet tagħna bis-serjetà, u mhux li jitqegħdu xi erbat iqsari tal-konkos, taparsi sar xi ħaġa! L-ispazji miftuħa huma għan-natura u mhux biex tiżdied id-dominazzjoni tal-konkos fil-forom differenti tiegħu fil-lokalitajiet tagħna! L-anqas m’ghandhom jintużaw għall-parking tal-karozzi!

Ġie emfasizzat li dan il-proġett ta’ investiment fl-ispazji miftuħa għandu l-iskop li jassigura li kull wieħed u waħda minna jkollu aċċess għal spazju pubbliku miftuħ li jkun mhux iktar il-bogħod minn għaxar minuti minn fejn toqgħod. Dan l-oġġettiv jorbot mal-inizjattiva li ttieħdet f’diversi bliet Ewropej imsejħa l-belt ta’ 15-il minuta (15-minute city). Belt ta’ din ix-xorta għandha jkollha dak kollu li teħtieġ, fil-parti l-kbira mhux iktar minn kwarta l-bogħod mid-dar. Għax mhux l-ispazju pubbliku miftuħ biss għandu jkun fil-viċin: imma dak kollu li neħtieġu.

Dan iwassalna biex neżaminaw it-tifsila urbanistika tagħna, meta nirrealizzaw li l-ħwienet iż-żgħar tagħna li servew lill-komunitajiet lokali għal bosta snin, qed jonqsu sewwa. Qed jispiċċaw jinbeżqu mis-suq bħala riżultat tal-bosta supermarkets u stabilimenti kummerċjali kbar li qed jinfetħu.

Din l-idea tal-belt ta’ 15-il minuta (the 15-minute city) bdiet b’inizjattiva ta’ Carlos Moreno, arkitett konsulent tas-sindku ta’ Pariġi imma issa qed tinfirex ma numru ta’ bliet Ewropej. Tfisser tibdil sostanzjali fl-ippjanar għall-użu tal-art biex ikun assigurat li f’kull Belt jew raħal dak li normalment neħtieġu nistgħu nsibuh mhux iktar minn kwarta ‘l bogħodminn fejn noqgħodu.

Carlos Moreno jitkellem dwar il-ħtiġijiet marbuta mal-għixien fi spazju urban imfassla fuq sitt punti essenzjali: żona residenzjali adegwata, xogħol fil-viċin, possibiltà ta’ xiri ta’ oġġetti jew servizzi bla diffikultà, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni, servizz għas-saħħa u esperjenzi kulturali fil-qrib, ilkoll aċċessibli b’mezzi sostenibbli.

Nistgħu neżaminaw u nfasslu l-istil ta’ ħajjitna fl-ibliet u l-irħula tagħna f’dawn il-parametri?

Il-ħwienet żgħar fl-ibliet u l-irħula tagħna jeħtieġu l-għajnuna għax qed jagħtu servizz essenzjali li jagħti l-ħajja lill-komunitajiet tagħna: jagħtu servizz u fl-istess ħin joħolqu x-xogħol fil-lokalità. Meta wieħed jinkoraġixxi l-ħidma tal-ħwienet iż-żgħar fil-ħidma tagħhom ikun qed jagħti kontribut għat-tnaqqis tat-traffiku fil-lokalità f’kull ħin tal-ġurnata għax ikun hemm inqas ħtieġa li wieħed jivvjaġġa. B’hekk jintlaħaq oġgettiv ieħor fil-pjanijiet tal-Gven, jiġifieri t-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna.

L-ippjanar għall-użu tal-art għandu jiffoka fuq in-nies u l-ħtiġijiet tagħhom. Hu biss f’dan il-kuntest li l-iffinanzjar ta’ proġetti ta’ tħaddir fil-komunità jagħmel sens.

ippubblikat fuq Illum: 29 ta’ Jannar 2023

Leave a comment