Għandna ħtieġa ta’ iktar spazji mħaddra fiz-zoni urbani. L-ispazji mħaddra huma ta’ għajnuna biex insaħħu, u fejn meħtieġ nistabilixxu mill-ġdid il-kuntatt tagħna man-natura. Dawn il-kuntatti ħadu daqqa sewwa riżultat tal-iżvilupp eżaġerat ta’ madwarna. Dan kollu hu ħtija ta’ Awtorità tal-Ippjanar li tat prijorità lill-iżvilupp esaġerat a skapitu tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
Il-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti ħalli jassiguraw il-ħarsien tal-ispazji miftuħa mħaddra biex dawn ma jispiċċawx għalf ħalli jissodisfaw l-aptit tal-iżviluppaturi. Il-parti l-kbira tal-Kunsilli Lokali jsemmgħu leħinhom biex jiddefendu lill-lokalità tagħhom. Sfortunatament ma hemm l-ebda garanzija li jistgħu jaslu u dan għax il-gvern lokali hu biss ittollerat mill-gvern ċentrali.
L-aħħar eżempju, dak tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, immexxi b’tant għaqal mis-Sindku Conrad Borg-Manché, għandu jkun ta’ twissija għal kulħadd. Fil-battalja legali li l-Kunsill Lokali tal-Gżira fetaħ dwar il-ġnien pubbliku kontra l-Awtorità tal-Artijiet ġie stabilit b’ċertezza li din l-Awtorità naqset milli twettaq żewġ miżuri bażiċi ta’ governanza tajba: naqset milli tkun trasparenti f’ħidmietha u naqset ukoll milli tikkonsulta mal-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Din hi problema li qed titfaċċa ta’ sikwit min-naħa tal-gvern ċentrali u l-agenżiji tiegħu li għandhom ħabta jibqgħu għaddejjin romblu minn fuq il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex. Il-gvern ċentrali għadu mhux komdu li jaġixxi f’kuntest fejn tirrenja s-sussidjarjetà u d-demokrazija lokali u dan minkejja li l-kunsilli lokali ilhom magħna għal kważi tletin sena.
Kemm il-darba jsir xogħol bil-galbu hi politika tajba li ninvestu fl-iżvilupp ta’ spazji miftuħa fiż-żoni urbani u l-madwar, u li dawn inħaddruhom. Ikun, imma, għaqli jekk l-ewwel u qabel kollox inħarsu l-ispazji mħaddra li diġa għandna fiz-zoni urbani.
Ħarsu lejn il-ġnien pubbliku tal-Gżira u l-ġara tiegħu l-pompa tal-petrol. Dawk li jfasslu l-politika tal-Awtorità tal-Artijiet u dik ta’ Project Green għandhom jaħsbu ftit dwar x’futur jista’ għandhom il-pompi tal-petrol. L-elettrifikazzjoni tal-karozzi daqt magħna u konsegwenza ta’ hekk ftit ftit tibda tonqos l-utilità tal-pompi tal-petrol, sakemm ma jkollniex bżonnhom iktar. Hemm imbagħad il-mira tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli li l-karozzi fit-toroq jonqsu b’41 fil-mija. Dan kollu għandu jwassal b’mod loġiku għall-konsiderazzjoni li iktar jagħmel sens li tispiċċa l-pompa tal-petrol biex tagħmel il-wisa’ għal ġnien pubbliku ikbar. Dan jagħmel sens ferm iktar milli joqgħodu jnaqqru biċċiet mill-ġnien pubbliku biex ikabbru d-daqs tal-pompa tal-petrol!
Meta jirnexxielna nreġġgħu lura l-impatti tal-iżvilupp, nagħtu spinta tajba biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, mhux biss fil-Gżira! Huwa f’dan il-qasam fejn jista’ jkollna bidla bis-serjetà fil-politika u l-azzjoni relattiva dwar l-ispazji miftuħa u mħaddra fiż-żoni urbani tagħna. Hu faċli li troxx il-fondi pubbliċi fuq art abbandunata jew art fi stat ta’ telqa: €700 miljun faċli tonfoqhom b’dan il-mod! L-isfida qegħda biex tkun indirizzata l-ħsara li l-iżviluppaturi jikkawżaw fl-infrastruttura urbana li hi tant essenzjali biex nibqgħu f’kuntatt man-natura. Dan il-kuntatt tant essenzjali, jzommna b’saħħitna, anke mentalment, u jgħin sostanzjalment biex titjieb il-kwalità tal-ħajja!
Din hi t-triq realistika l-quddiem. Jeħtieġ li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun prinċipju bażiku tal-governanza tajba kif ukoll li nassiguraw li jkunu l-Kunsilli Lokali li jmexxu dak kollu meħtieġ għall-iżvilupp u ż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-infrastruttura urbana lokali, inkluż l-ispazji miftuħa mħaddra.
Il-Gvern ċentrali, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet u Project Green, għandu jservi lid-demokrazija lokali flok ma jkompli jipprova joħnoqha.
Din hi l-lezzjoni li toħroġ mill-ġnien tal-Gżira.
ippubblikat fuq Illum: 7 ta’ Mejju 2023