Lil Joseph Azzopardi, Prim Imħallef Emeritu, ilni nafu madwar 40 sena. Meta konna ferm iżgħar, it-tnejn li aħna, kellna l-opportunità li naħdmu flimkien. Kien żmien fejn il-polarizzazzjoni fil-pajjiż kienet akuta ħafna iktar milli hi illum. Anke dakinnhar, Joseph Azzopardi kien persuna valida, moderata u, fil-fehma tiegħi persuna li ma titmexxiex minn imneħirha.
Triqatna m’għadhomx jiltaqgħu daqstant. Is-sitwazzjoni imma, illum, ma naħsibx li hi differenti avolja ilni ftit mhux ħażin ma nitkellem miegħu. Joseph Azzopardi għadu l-istess bniedem li naf jien.
Bħalissa Joseph Azzopardi qiegħed fiċ-ċentru ta’ maltempata politika dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-PN qed jopponi l-ħatra tiegħu. Naħseb li l-PN qed jagħmel ġudizzju politiku żbaljat.
Il-Gvern min-naħa l-oħra qed jinsisti fuq il-ħatra ta’ Azzopardi u ser jibdel ir-regoli biex tgħaddi tiegħu.
Il-Gvern qed jagħżel triq perikoluża. Tajjeb li niftakru li l-obbligu li jinkiseb l-appoġġ ta’ żewġ terzi qiegħed hemm bi skop: biex min jinħatar f’post daqshekk sensittiv ikollu appoġġ wiesa’. Biex ikun hemm fiduċja. Dan kollu issa ser jintrema l-baħar.
It-tnejn li huma (PN u PL) qed jagħmlu żball madornali. Il-PN għax mhux qed ikun sensittiv biżżejjed u qiegħed joġġezzjona mingħajr raġuni suffiċjenti. Il-PL min naħa l-oħra qed jarmi l-avvanzi li saru biex ikun hemm fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Ir-riżultat finali ser ikun wieħed li jagħmel il-ħsara lill-kulħadd, imma l-iktar lill-pajjiż.
It-tnejn li huma qed jagħtu messaġġ wieħed: li l-istituzzjonijiet, għalihom huma importanti jekk jaħsbu li jistgħu jkun imxaqilbha lejhom. It-tnejn li huma qieshom tfal żgħar li jekk ma tgħaddix tagħhom jagħmlu xenata biex jimpressjonaw.
Kien hemm kummenti fil-media li Azzopardi, jekk jinħatar, ikun pupazz. Dan hu insult intenzjonat biex ikun skreditat Azzopardi. Hu ħażin li d-dibattitu politiku jsir b’dan il-mod. Dan ser iwassal biex infarrku il-ftit li għad baqa’!
It-triq il-quddiem mhiex faċli. Għal darba’oħra min joffri s-servizz tiegħu ser jispiċċa ikkalpestat u immaqdar għalxejn. Issa meta jmut jgħidu kemm kien raġel sew u forsi jinnominawħ unanimament għal Ġieħ ir-Repubblika ukoll!
Dan il-pajjiż qed jitkisser biċċa biċċa. Qed ikissruh il-PN u PL flimkien.
Qatt ma kien ċar daqshekk li flimkien kollox hu possibli.