L-artiklu fuq iNews il-bieraħ bil-kummenti tiegħi dwar l-attività tal-PN li għandha issir iż-Żonqor Marsaskala iktar tard illum kien riżultat ta’ telefonata li kelli f’12.00pm mingħand Albert Gauci-Cunningham, ġurnalista ta’ Union Press.
Il-kummenti li waslu wara li Albert ippubblika l-artiklu kienu numru kbir. Min jaqbel u min ovvjament ma qabilx.
Dawk li qablu mal-kummenti tiegħi fehmu illi la jiena u l-anqas Alternattiva Demokratika m’aħna ser inħallu l-opportuniżmu politiku ta’ Simon Busuttil jinqeda bina. Għax la f’Simon u l-anqas fil-PN ma’ hemm xi konvinzjoni li għandhom japprezzaw l-ambjent. Anzi, Simon Busttil jidhirlu li l-PN għamel ħafna suċċessi ambjentali!
Ma nafx min qed jagħtih dawn il-pariri!
Kien ikun ħafna iktar għaqli għal Simon Busuttil u għall-Partit Nazzjonalista kieku jimxi fuq il-parir ta’ Mario de Marco li fissru nhar il-Ħadd li għadda waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN. Għandu bżonn li l-ewwel ħaġa li jagħmel tkun li jara sewwa fejn il-PN fil-Gvern għamel il-ħsara ambjentali: jiġifieri għandu jeżamina ftit il-kuxjenza politika tal-PN. Jipprova jifhem ftit kemm hi kbira l-ħsara li għamel il-PN fil-Gvern lill-ambjent. Din il-ħsara, tmur lil hinn minn dak li bi prudenza kbira qal Mario de Marco. Ma saritx biss f’isem it-tkabbir ekonomiku.
Meta jagħmel hekk, imbagħad, forsi, meta jitkellem dwar l-ambjent ikun xi ftit kredibbli.
Imma jidher li sa ma jasal hemm għad baqa’ ftit mhux ħażin!