Fil-konferenza stampa ta’ Konrad Mizzi u Chris Fearne intqal li l-konkos dgħajjef f’Mater Dei twassal fuq is-sit fl-ewwel sitt xhur tal-1996.
Lawrence Gonzi, dal-għodu qalilna li l-ftehim [dwar il-waiver] bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u Skanska qatt ma tela’ l-Kabinett għall-approvazzjoni. Dan minnu innifsu jnissel ħafna iktar mistoqsijiet dwar x’ġara fil-fatt u dwar min realment kellu idu fil-borma.
Imma l-gazzetti jidher li m’humiex jagħtu piż biżżejjed lil biċċa informazzjoni oħra li sirna nafu biha f’Settembru li għadda. Dakinnhar meta ħarġet l-aħbar li l-konkos kien dgħajjef u l-bini għaldaqstant ma jiflaħx piż addizzjonali, Tonio Fenech kien qal li xejn ma kien sorpriż. Kien żied jgħid li kien għalhekk li Skanska kienu irrifjutaw li jżidu l-għoli tal-bini.
Dan kollu jfisser li hemm min ilu ħafna jaf li l-kwalità tal-konkos użata f’Mater Dei kienet inferjuri minn dak ippjanat. Probabbilment ħafna qabel ma ġie iffirmat il-ftehim li skandalizza lil kulħadd.
Il-mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba huma bosta. Liema kienu l-idejn iħawwdu fil-borma tal-konkos ta’ Mater Dei? Kemm kienet ilha magħrufa din l-informazzjoni? X’kienu d-deċiżjonijiet dakinnhar li kienet magħrufa din l-informazzjoni?
Qabel ma jkun hemm tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet ser ikun diffiċli ħafna li nifhmu kemm x’ġara kif ukoll min hu responsabbli.