Iż-Żonqor : jista’ l-Gvern jieħu l-art tal-privat?

Chapter 88

 

It-Times dal-għodu f’artiklu ta’ Caroline Muscat intitolat Take it or leave it, landowners told rrappurtat li l-Gvern fi ħsiebu jespropjrija l-art li għandu bżonn f’Taż-Żonqor Marsaskala għall-proġett tal-Università Amerikana. Il-proġett jeħtieġ 90,000 metru kwadru li ġew identifikati mill-MEPA. 11% tal-art identifikata hi tal-privat. Il-bqija hi tal-Gvern.

Persuni qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru infurmaw lit-Times, skond ir-rapport ta’ dal-għodu li l-Gvern mhux lest li jħallas iktar minn €500,000 għad-9,900 metru kwadru ta’ art f’idejn il-privat li ġew identifikati bħala meħtieġa għall-proġett tal-Università Amerikana.

Il-messaġġ hu wieħed ċar: jew jiftehmu inkella jeħodha l-Gvern billi jesproprija (compulsory purchase).

Issa l-Gvern għandu dritt li jieħu l-art tal-privat. Imma m’għandux id-dritt li jieħu kull art għal kull raġuni. Jista’ jieħu l-art tal-privat jekk din l-art tkun meħtieġa fl-interess pubbliku.

Hu fl-interess pubbliku li l-Gvern jieħu l-art biex jgħin negozjant mill-Jordan jiftaħ business imsejjaħ Università Amerikana u jnaqqaslu l-ispejjes billi jagħtih art ODZ? L-art tal-Gvern jista’ jgħaddihielu b’mozzjoni li tkun approvata mill-Parlament. Imma l-art tal-privat, jekk irid jiftiehm biex jixtriha u dan bi prezz li jiftehmu l-bejjiegħ u x-xerrej!

Jiena naħseb li fil-każ taż-Żonqor il-Gvern m’għandux dritt li jaqbad u jieħu l-art: ma’ jistax jgħaddi  għall-esproprijazzjoni.

Interessanti  kif ser jiżviluppaw l-affarijiet.