Il-Gvern qed jippjana li tinbena Università immexxija mill-Amerikani barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) f’Marsaskala. Qed jgħid li din ser tokkupa area ta’ madwar 90,000 metru kwadru (9 ettari). Aħna ta’ Alternattiva Demokratika naħsbu li l-art użata eventwalment ser tkun ferm ikbar milli qed jgħid il-Gvern, madwar id-doppju. Imma billi s’issa għad ma ġie ippubblikat xejn huwa diffiċli li tgħid b’ċertezza dwar x’inhu l-qies ippjanat.
Għad irid jittieħed ukoll konsiderazzjoni tat-toroq li jkunu meħtieġa illi jinbnew, kif ukoll tal-infrastruttura u servizzi neċessarji.
Din l-Universita’ hi ppjanata għan-naħa taż-Żonqor (ara pjanta ta’ hawn fuq, fiċ-ċirku aħmar) f’żona li hi waħda agrikola imma li hi viċin ħafna ta’ żona protetta, żona ekoloġikament sensittiva. Il-Gvern qed jgħid li l-art agrikola hi abbandunata, jiġifieri ilha ma tinħadem. Dan fil-fehma tiegħi ma jiġġustifikax li ma tibqax art agrikola. Hu argument ħażin li għax l-art m’għadhiex tinħadem għandna nikinsu l-ħamrija u nibnu minn flokha.
L-art agrikola f’Malta ilha tonqos is-snin. Ittieħdet wisq raba’ għall-bini tul is-snin.
Mhux korrett li jingħad li l-proġett hu wieħed edukattiv. Il-proġett hu wieħed ta’ negozju, fejn studenti barranin ser ikunu offruti tagħlim Universitarju bi ħlas. Ħlas sostanzjali. L-idea mhiex ħażina. Hi l-art identifikata mill-Gvern li mhiex addattata għal dan l-iskop.
Ikun iktar għaqli li jinstab sit alternattiv fejn l-idea tista’ tkun żviluppata. Hawn ħafna bini pubbliku abbandunat jew mhux użat li jista’ jkun riabilitat u jkun utli ħafna għall-użu bħala Università.
Imma ejja nħarsu ż-żona barra mill-linja tal-iżvilupp. Il-Gvern għandu jagħti l-eżempju. Għax jekk il-Gvern jibqa’ jiġi jaqa’ u jqum, kif nistennew li cowboys fl-industrija tal-bini ma jippretendux l-istess trattament?
Alternattiva Demokratika hi pożittiva dwar l-idea tal-proġett. Hi l-għażla li għamel il-Gvern dwar l-art li jrid jiżviluppa li m’hiex addattata.
Kif għidt dal-għodu fil-konferenza stampa ta’ AD dwar dan is-suġġett, jekk il-Gvern irid, Alternattiva Demokratika lesta li tagħti l-kontribut tagħha biex tgħin ħalli tkun tidentifikata art jew bini alternattiv fejn tista’ issir din l-Università fin-Nofsinnhar tal-pajjiż.
Irridu imma nifhmu darba għal dejjem li Malta ma tistax titlef iktar art. Il-ftit art li baqa’ jeħtieġ li nsalvawha.
(Nota: Il-pjanta ta’ hawn fuq hi meħuda mill-Pjan Lokali għan-Nofsinnhar ta’ Malta: Marsascala environmental constraints Map. Il-kulur oranġo jindika art agrikola filwaqt li l-kulur aħdar jindika art ta’ importanza ekoloġika jew siti ta’ importanza xjentifika.
Il-pjanta oriġinali tista’ issibha fuq is-sit tal-MEPA hawn.)