
Mhux l-ewwel wieħed li ser nikkummenta li bir-riżultati elettorali ta’ tmiem il-ġimgħa kulħadd hu kuntent. Ovvjament din hi reazzjoni artifiċjali ħafna u għandha titqies biss bħala l-ewwel reazzjoni sakemm kulħadd ikollu ċ-ċans li jifli ftit ir-riżultati daqsxejn iktar fil-fond.
Iċ-ċifri uffiċjali, per eżempju jgħidu li Alternattiva Demokratika kisbet 1.10% tal-voti mitfugħa f’dan ir-rawnd ta’ elezzjonijiet lokali. Dawn iċ-ċifri huma korretti imma ma jagħtux l-istampa rejali. Dan minħabba li AD ikkontestat biss f’7 lokalitajiet minn 34. Il-lokalitajiet li fihom AD ikkontestat l-elezzjonijiet nhar il-11 t’April l-anqas ma huma għal kollox l-istess lokalitajiet li fihom AD ikkontestat fl-2012 u allura ftit li xejn tista’ tagħmel paraguni.
Fil-Qala, fin-Nadur u f’Ħal-Qormi AD kisbet numru żgħir ta’ voti li huma kumparabbli kemm ma dawk miksuba fl-elezzjoni ġenerali kif ukoll, fejn applikabbli, ma’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet oħra tal-Kunsilli Lokali fl-istess lokalitajiet. F’dawn il-lokalitajiet mela jkun ġust li wieħed jikkonkludi li AD baqgħet fl-istess ilma.
Imma mhux l-istess jista’ jingħad fil-lokalitajiet l-oħra. F’Ħ’Attard reġa’ ġie elett għal darba oħra s-Segretarju Ġenerali ta’ AD Ralph Cassar li fl-ewwel għadd kiseb 7.3% tal-voti mitfugħa. Mhux biss reġa’ ġie elett imma kiseb ammont ta’ voti iktar mis-soltu, u, iktar importanti minn hekk, wiret biżżejjed voti mingħand kandidati oħra (PN, PL u Indipendenti) biex ġie elett f’lokalita fejn il-Partit Laburista naqqas il-presenza tiegħu billi tilef kunsillier. Issa dan il-fatt għandu l-importanza tiegħu prinċipalment għax ifisser li Alternattiva Demokratika qed tikkonsolida l-egħruq tagħha f’dik iż-żona ta’ Malta li hi iktar sensittiva minn żoni oħra għal materji ambjentali.
Argumenti simili jistgħu jingħadu għal-lokalita’ ta’ San Ġiljan fejn il-kandidat ġdid u żgħażugħ Gulio Caruana irdoppja l-voti (ġieb 5.4%) li kisbet il-kandidat ta’ AD fl-istess lokalita fl-2012. Żieda simili kellu Simon Galea fuq San Pawl il-Baħar fejn irid jingħad li kienu bil-voti tiegħu, meta ġie eliminat, li l-PN seta jirbaħ il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-istess kif kien ġara fil-Mosta fl-2012 bil-voti li dakinnhar kienu inkisbu minngħand Robert Callus.
Min-naħa l-oħra kienet esperjenza ġdida l-kandidatura taż-żgħazugħa Monique Agius fuq Ħaż-Żebbuġ li kisbet 3.1% tal-voti l-ewwel darba li kkontestat.
Dan kollu jrid ukoll ikun ikkunsidrat fl-isfond tad-49.6% miksuba mill-LE fir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan ir-referendum kien riżultat ta’ petizzjoni li bdiet Alternattiva Demokratika flimkien ma’ 13-il għaqda ambjentali fil-pajjiż. Fil-parti l-kbira tagħhom dawk li ivvutaw LE m’humiex votanti li soltu jivvutaw Alternattva Demokratika. Huwa ovvju li fil-parti l-kbira tagħhom is-soltu jivvutaw lill-partiti oħra. Ta’ l-inqas fil-konfront ta’ uħud, dan mhux bil-fors jibqa’ l-każ u dan in vista tal-kummenti diversi minn dawk li ma qablux mal-posizzjoni li ħadu l-partiti l-kbar.
Din hi storja li għad trid tiżviluppa matul it-tlett snin li ġejjin. Jekk tiżviluppax jew le f’ċaqlieq ta’ votanti min-naħa għall-oħra tal-ispettru politiku huwa kmieni biex jingħad imma l-ingredjenti biex dan iseħħ qegħdin hemm. Għandek persentaġġ għoli ta’ votanti li ma mxewx mad-direzzjoni indikata mill-mexxejja tal-partiti l-kbar. Għal uħud mhux importanti li kellhom opinjoni differenti mill-mexxejja. Imma għal oħrajn li ivvutaw LE fuq prinċipju tal-ħarsien tal-bijodiversita fir-rebbiegħa il-mistoqsijiet mhux imwieġba huma interminabbli. Huwa l-ewwel darba li l-partiti l-kbar kellhom l-opportunità li jagħmlu għażla ċara. Għamluha u issa ħadd ma għandu l-iskuża li ma jafx fejn hu.
Għax bla ma trid bil-fors tirrifletti u tistaqsi lilek innifsek : kif tista’ tieħu posizzjoni favur l-ambjent fir-referendum u mbagħad ma tagħtix l-istess piz lill-ambjent f’elezzjonijiet oħra? Għal uħud mill-votanti ma hemm xejn ħażin li l-ambjent jingħata prijorita sekondarja, imma għal numru dejjem ikbar jidher li dan mhux il-każ.
Kemm hu kbir dan in-numru għad irridu naraw. Kliem l-ambjentalista Alan Deidun fis-Sunday Times ta’ nhar il-Ħadd li għadda huwa ċar:
“Effectively, the spineless stance taken by both PL and PN MP’s effectively meant that over 124,000 Maltese citizens were not represented by their elected parliamentarians, bar one. This is the boldest of statements about our political class…..the aspirations of such a large minority have only been voiced by a party – AD – which is not even represented in Parliament…..yet another quirk of democracy.”
Din hi l-isfida li Alternattiva Demokratika għandha quddiema bħala riżultat tal-votazzjoni tal-11 t’April. Hi opportunità unika li mhux ser tirrepeti ruħha fil-futur qarib. Il-futur ta’ Alternattiva Demokratika jiddependi fuq kemm ser tkun kapaċi matul ix-xhur li ġejjin taddatta ruħha biex issarraf din l-opportunità.
Bħala konsegwenza tar-riżultat tal-11 t’April diversi qed jinteressaw ruħhom iktar fil-ħidma ta’ Alternattiva Demokratika. Dan jawgura tajjeb għall-futur għax jagħti l-possibilità lill-Alternattiva Demokratika li torganizza ruħha aħjar, biex twassal b’mod iktar effettiv il-messaġġ tagħha li l-ħarsien tal-ambjent jiddetermina l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna peró l-iktar ta’ dawk fil-periferija tas-soċjetà.
Ir-riżultat tal-votazzjonijiet tal-11 t’April fih iċ-ċavetta li biha jistgħu jinfetħu ħafna bibien li illum huma magħluqa.
Dejjem sakemm ma tilħaqx tinbidel is-serratura.