Tibdil fil-Kostituzzjoni u l-ħatra ta’ Franco Debono

Franco Debono 1

 

L-inkarigu ta’ Franco Debono biex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali li tista’ twassal għall-hekk imsejħa Tieni Repubblika fl-opinjoni tiegħi hi deċiżjoni żbaljata.

Fil-programm elettorali tiegħu il-Partit Laburista ġustament jgħid li t-tibdil kostituzzjonali meħtieġ għandna naslu għalih wara diskussjoni li fiha tkun involuta is-soċjeta’ ċivili. Is-soċjeta’ ċivili kellha tkun involuta anke’ fl-għażla tal-persuna bl-inkargu li tipprepara din il-konvenzjoni. Taqbel jew ma taqbilx miegħu Franco Debono hu persuna diviżiva u m’huwiex fil-fehma tiegħi l-persuna addattata għal din il-biċċa xogħol delikata.

Partijiet kbar mill-Kostituzzjoni jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jinbidlu. Jiġifieri għall-parti l-kbira tal-Kostituzzjoni ma jistax ikun hemm tibdil jekk ma jkunx hemm kunsens. Il-kunsens tista’ tasal għalih bħala riżultat ta’ diskussjoni serena li fiha kull min ikun involut iħossu liberu li jesprimi l-veduti tiegħu.

Hemm diversi partijiet delikati tal-Kostituzzjoni li jeħtieġu li jkunu mibdula, imħassra jew aġġornati għaż-żminijiet tal-lum. Għalhekk hu neċessarju li l-proċess kollu tal-konvenzjoni jkun wieħed li kull persuna involuta jkollha fiduċja fih.

Naħseb li bl-inkarigu ta’ Franco Debono l-proċess tal-konvenzjoni kostituzzjonali beda ħażin.

 

Leave a comment