PN : iż-żerriegħa tat-telfa

seeds

It-telfa elettorali tal-PN nhar id-9 ta’ Marzu ma ġietx f’daqqa. Ilha hemm. Is-sinjali ilhom jidhru għal min ried jarahom.

Dawn is-sinjali ġew injorati sforz l-arroganza li matul dawn l-aħħar snin kienet il-mutur ewlieni tat-tmexxija tal-PN.

F’Marzu 2008 l-PN ingħata warning meta rebaħ l-elezzjoni bi sbrixx: bi ftit inqas minn 1600. Dak il-warning il-PN ma tax każ tiegħi. Minflok ma daħal f’qoxortu l-PN immexxi minn Lawrence Gonzi żied id-doża tal-arroganza tiegħu.

F’Marzu 2008 l-PN seta jibda l-proċess biex jitnaddaf. Biex isewwi l-ħsara. Iżda minflok baqa’ għaddej bħal bulldowzer minn fuq kulħadd.

Jiena irreżenjajt mill-PN f’Jannar 2008. M’għandi l-ebda dispjaċir. Dakinnhar  u fil-ġimghat ta’ wara l-PN seta janalizza x’ġara u kieku ried kellu l-għodda biex isib ir-rimedji. Mhux bil-paroli iżda bil-fatti. Billi jwarrab l-arroganza. Minflok iżda, żied id-doża.

Minflok flimkien kollox possibli l-PN għażel triq oħra. Triq li jqis lil kull min ried inaddaf u jsewwi bħala għadu.  Mill-mument li għażel dik it-triq it-tkaxkira kienet inevitabbli.