Ministru hands-on !

mater_dei

L-Ministru tas-Saħħa t-Tabib Godfrey Farrugia għandu uffiċċju fl-Isptar Mater Dei, ħdejn l-emergenza. Iħoss il-ħtieġa li jkun hemm viċin biex ikun jista’ jevalwa l-problemi.

X’inhu xogħol il-Minstru?  It-Tabib Farrugia jidher li jaħseb li xogħolu hu ta’ Manager li mexxi “day to day”. Mhux l-ewwel wieħed li ħasibha hekk. F’pajjiż żgħir bħal tagħna nifhem li l-politku, billi ħafna drabi bhu f’kuntatt dirett man-nies iħoss l-obbligu “politiku” li jintervjeni b’mod li jidher biex ikun jista’ jagħti sodisfazzjon immedjat lill-votant.

Imma allura x’inhi l-funzjoni tal-Management tal-isptar? Għax jekk il-Ministru jħoss il-ħtieġa li jkun viċin il-problema l-konklużjoni loġika hi li l-management jew qiegħed hemm għal xejn inkella mhux jagħmel xogħolu kif meħtieġ! Jiġifieri iktar minn kamra għall-Ministru hemm bżonn li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.

Ir-rwol tal-Ministru m’hiex ta’ sehem dirett fit-tmexxija tad-Dipartimenti li għalihom hu responsabbli. L-anqas ma hi sorveljanza diretta tal-ħidmiet diversi fil-Ministeru tiegħu. Hi li jagħti direzzjoni politika u li joħloq l-istrutturi neċessarji biex ikun possibli li l-politika tal-Gvern tal-ġurnata titwettaq.

M’għandix dubju mill-intenzjonijiet tajba tal-Ministru Godfrey Farrugia. Imma anke Austin Gatt kien Ministru hands-on! ir-riżultati ta’ Gatt nafu bihom ilkoll.