Bla flus …………. la tgħannaq u l-anqas tbus

Bank of Vassallo

L-aħbar tat-Times dal-għodu li l-Partit Nazzjonalista m’huwiex f’posizzjoni li jħallas il-pagi tal-impjegati tiegħu m’hiex aħbar tajba.

M’huwiex ċar eżattament x’ġara minħabba li Pawlu Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-PN, ma weġibx il-mistoqsijiet tal-ġurnalista tat-Times billi dak li ntalab tqies bħala kummerċjalment sensittiv!

Niftakru imma li fi Frar 2013 kien hemm l-aħbar li Żaren Vassallo silef kwart ta’ miljun euro (€250,000) lill-PN. Dakinnhar kienu qalulna li dan kien arranġament kummerċjali proviżorju. Is-self kienu qalulna ser jitħallas!

Dan kollu jerġa’ jiftaħ beraħ id-diskussjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.

Il-Bank of Vassallo ċertament li m’huwiex  is-soluzzjoni. Huwa importanti li s-saħħa tal-flus ma tibqax tkun ċentrali fil-politika. Għax dak li fil-fatt ilu jiġri għal numru kbir ta’ snin (mhux biss f’Malta).  Hemm bżonn li tkun megħluba r-resistenza li l-PN kellu għal trasparenza fil-finanzjament tal-politka. Għal xi żmien anke’ l-Partit Laburista kellu din ir-resistenza, sakemm hu ukoll beda jiffaċċja d-diffikultajiet.

Alternattiva Demokratika fil-programm elettorali tal-aħħar elezzjoni kienet ċara, kif kienet f’kull elezzjoni ġenerali.

Il-posizzjoni illum suppost li hi committment min-naħa tal-Partit Laburista li waħda mill-ewwel liġijiet li ser jitressqu fil-Parlament li ser jiltaqa’ bħal-lum ġimgħa ser tkun dik dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.

Nistennew u naraw.