Iktar milli jiċċajta, forsi nkun iktar korrett jekk ngħid li jħobb jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien.
F’waħda mill-okkazjonijiet li fihom indirizza lill-istampa riċentement qal li l-budget għall-2015 hu wieħed li jħares l-ambjent!
Ħadd ma jistax jiċħad li l-budget fih numru ta’ miżuri ambjentali. Imma b’daqshekk ma jfissirx li dan hu budget ambjentali. Kulma jagħmel il-budget hu li jiġbor flimkien id-diversi miżuri li qed jippjana li jieħu l-Gvern matul is-sena 2015. Jonqsu viżjoni koerenti ambjentali li la għandu u l-anqas jidher li jista’ jkollu fil-futur immedjat.
Il-ħarsien tal-ambjent m’huwiex biss dwar il-kostruzzjoni, imma ukoll dwar il-bijodiversita, is-sostenibilita’, l-kwalita tal-arja, il-politika dwar ir-riżorsi, il-viżjoni marittima, l-ilma, il-politika dwar il-klima, l-enerġija alternattiva, t-trasport, l-ekonomija l-ħadra, l-ekonomija l-blu, l-ekonomija ċirkulari, it-tassazzjoni ambjentali u tant affarijiet oħra.
Diskors tal-budget li ħa kważi 4 siegħat biex inqara ma sabx imqar ftit sekondi biex jispjegalna kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat ser jimplimenta politika ta’ żvilupp sostenibbli. Mhux biss. Imma fl-estimi għall-Ministeru bl-isem twil u bombastiku okkupat minn Leo Brincat (Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima) kullma hemm ivvutat għall-politika tal-iżvilupp sostenibbli hu għaxart elef ewro. Dikjarazzjoni onesta li tfisser biss li matul l-2015 il-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu l-ħsieb li jagħmel xejn f’dan il-qasam. It-terminu Żvilupp Sostenibbli fid-diskors tal-budget jissemma darbtejn. Jissemma biss fiż-żewġ tabelli fejn hemm imniżżel l-isem tal-Ministeru ta’ Leo Brincat.
Il-politika tal-Gvern ta’ Joseph Muscat dwar l-Iżvilupp sostenibbli (jekk teżisti) tqieset mill-Ministru Edward Scicluna bħala li m’għandiex relevanza għall-budget tal-2015
Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli tinseġ flimkien il-politika ambjentali, dik ekonomika u soċjali. Meta tkun żviluppata kif imiss, il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli tassigura l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri billi tmexxi l-quddiem l-ekonomija b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u lejn il-bniedem. Għalhekk ngħidu li l-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi mibnija fuq erba’ pilastri: l-iżvilupp ekonomiku, l-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien soċjali u l-politika kulturali.
Fil-ġranet li ġejjin ikolli l-opportunita’ nispjega iżjed fid-dettall kemm il-budget ippreżentat għall-2015 bl-ebda mod ma jista’ jitqies budget li jħares l-ambjent. Minkejja li hemm miżuri individwali li huma pożittivi ma teżistix viżjoni ambjentali ċara u koerenti.
Għalhekk Joseph qed jiċċajta meta jgħid li dan hu budget ambjentali.