Alleanza Elettorali: m’hemmx għaġġla

 

Id-dibattitu pubbliku dwar jekk, meta u kif għandha tkun żviluppata alleanza elettorali bejn Alternattiva Demokratika u l-Partit Nazzjonalista qabad ritmu sewwa fuq il-media soċjali matul il-ġimgħa li għaddiet. Dan seħħ l-iktar bħala riżultat  tal-intervista ta’ Michael Briguglio fuq din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra.

Il-veduti ta’ Michael Briguglio, bla dubju, jirriflettu l-esperjenzi tiegħu u jwassluh għall-konklużjoni li t-toroq li jippuntaw lejn alleanza elettorali (jew kif ġieli nirreferu għaliha, koalizzjoni) għandhom ikunu eżaminati sewwa u mingħajr wisq dewmien. Jiena m’għandi l-ebda għaġġla. Dan qed ngħidu minħabba li l-imġieba tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hi ta’ tħassib mhux żgħir u li bħala riżultat ta’ dan qed nifforma l-opinjoni li wara kollox jista’ jkun li dan mhux il-mument addattat għal inizjattiva ta’ din ix-xorta.

Il-kobba mħabbla dwar id-donazzjonijiet li qed tiżviluppa bejn il-Partit Nazzjonalista u Silvio Debono tad-db Group tirrikjedi li jitqegħdu l-karti kollha fuq il-mejda biex ikun assigurat li l-fatti kollha huma magħrufa. Kemm hu veru li l-PN irċieva donazzjonijiet moħbija bħala ħlas għal serviżżi li ma nagħtawx u dan billi għamel użu mill-kumpanija kummerċjali tiegħu?  Apparti l-grupp db kemm-il entitá kummerċjali oħra hemm li għamlet din it-tip ta’ donazzjoni moħbija lill-PN?  Dan kollu ma jmurx kontra dak li l-PN ilu jgħid żmien dwar is-suppost tmexxija serja li jrid?  Allura jekk anke fuq xi ħaġa bażika bħas-serjetá fit-tmexxija l-PN jgħid ħaga u jagħmel oħra kif qatt nistgħu nemmnu u nagħtu piż lil dak li jgħid il-PN dwar prinċipji u kwalunkwe xorta ta’ proposta politika?

Hemm diversi materji oħra li jinvolvu l-imġieba ta’ membri parlamentari ewlenin tal-Partit Nazzjonalista li dwarhom tinħtieġ li tingħata spjegazzjoni.

Per eżempju d-dikjarazzjoni ta’ Claudio Grech li ma jiftakarx jekk qatt iltaqa’ ma George Farrugia, u dan fil-kuntest tal-iskandlu taż-żejt, xejn ma tikkonvinċi. L-aċċettazzjoni da parti tal-Kap tal-Opposizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni tixhed dubju fuq kemm qiegħed jiffunzjona l-kumpass etiku tant meħtieġ u essenzjali għal min appunta lilu nnifsu fit-tmexxija tal-koalizzjoni kontra l-korruzzjoni.

L-anqas ma huma ċari l-affarijiet fejn jidħol ir-rwol ta’ Beppe Fenech Adami fil-Capital One Investment Group u l-Baltimore Fiduciary Services. F’sitwazzjoni kważi identika, Joe Cordina, dakinnhar Teżorier tal-Partit Laburista, kien imġiegħel jirreżenja.

Min-naħa l-oħra Mario de Marco għamel apoloġija pubblika dwar il-ġudizzju żbaljat tiegħu meta huwa aċċetta l-inkarigu mill-Grupp db dwar l-akkwista ta’ l-art f’Pembroke fejn illum hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ebda dubju, apoloġija mhux biżżejjed.

Irridu nikkunsidraw ukoll il-villa proposta biex tinbena barra miż-żona tal-iżvilupp minn Toni Bezzina kelliemi għall-agrikultura tal-PN u  flimkien ma oħrajn awtur tad-dokument dwar il-politika “ġdida” ambjentali tal-PN. Proposta li tmur kontra dak kollu li kien propost fid-dokument. Il-Kap tal-Opposizzjoni flok ma tajru immedjatament ipprova jeħilsu billi qal li “ma għamel xejn ħażin.

Meta tqies kollox, tista’ tifhem aħjar kemm it-tmexxija tajba u l-iġieba etika huma bosta drabi nieqsa fost l-Opposizzjoni. Kull wieħed minn dawn il-kazijiet, anke jekk meqjus għalih waħdu, kien ikun iktar minn biżżejjed biex tkun xkupata l-barra t-tmexxija kollha tal-Opposizzjoni.

Kif tista’ Alternattiva Demokratika taħdem favur alleanza elettorali ma’ partit politiku li t-tmexxija tiegħu hi kompromessa b’dan il-mod u għandha daqstant x’tispjega dwar l-imġieba tagħha? Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jippretendi t-tmexxija morali ta’ koalizzjoni kontra l-korruzzjoni qabel ma jagħti spjegazzjoni konvinċenti tal-imġieba tal-esponenti ewlenin tiegħu? Il-fatt li l-Partit Laburista għandu ħafna iktar x’jispjega mhu ta’ l-ebda konsolazzjoni u bl-ebda mod ma jiġġustifika l-imġieba tal-Opposizzjoni.

Il-mintna li jinsab fiha pajjiżna hi riżultat dirett tat-tmexxija tal-Partit Laburista tul dawn l-aħħar erba’ snin. Imma hi ukoll riżultat tas-sistema ta’ żewġ partiti politiċi li iktar ma tispiċċa malajr, iktar aħjar għal kulħadd. Is-sistema ta’ żewġ partiti li kkontrollat il-makkinarju tal-istat bla interruzzjoni mill-1966 sal-lum hi responsabbli ukoll għas-sitwazzjoni attwali. Dan minħabba li bħala konsegwenza tat-tip ta’ Parlament li ġie elett kien prattikament impossibli (b’xi eċċezzjonijiet żgħar) li dan jeżamina b’reqqa l-ħidma tal-Gvern b’mod li jkun imġiegħel jagħti kont ta’ egħmilu bis-serjetá.

Filwaqt li l-ħolqien ta’ alleanza elettorali tista’ tkun ta’ ġid għall-pajjiż, iċ-ċirkustanzi preżenti ma naħsibx li jipprovdu l-mument addattat. Il-bibien għad-diskussjoni Alternattiva Demokratika żżommhom dejjem miftuħin imma bħalissa hu l-mument li wieħed joqgħod attent biex ikun evitat li jingħataw messaġġi żbaljati.

Huwa biss meta jkunu ċċarati l-affarijiet li jkun il-mument addattat biex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-jekk u l-kif ta’ alleanza elettorali.

Ippubblikat fuq Illum : 26 ta’ Marzu 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s