Ir-rapport tal-inkjesta dwar l-investigazzjoni fuq l-aġir tal-Pulizija meta dawn kienu qed jinvestigaw kaz ta’ ħasil ta’ flus u tfaċċa isem Beppe Fenech Adami, issa ġie ippreżentat.
Ir-rapport tal-inkjesta iwieġeb il-mistoqsija ċentrali tal-istess inkjesta fis-sens li ma instabet l-ebda prova li kienet tindika li Beppe Fenech Adami indaħal b’xi mod biex l-investigazzjoni waqfet. Beppe Fenech Adami fil-fatt qal li l-anqas biss jaf li kienet għaddejja din l-investigazzjoni.
Imma jibqa’ mistoqsijijiet mhux inwieġba tant li ġustament il-pulizija intalbet tinvestiga iktar fil-fond. Sa hawn tajjeb.
Jibqa’ mistoqsija oħra li l-ebda inkjesta m’hi ser twieġeb. Il-mistoqsija hi : kemm hu etiku li politiku jinvolvi ruħu bħala Direttur ta’ kumpanija fejn l-attivita reali ma tkunx maghrufa? Din hi mistoqsija li Beppe qatt ma wieġeb.
Mhiex problema biss għall-politiku imma hi problema għal kull professjonist. Imma għall-politiku hi problema ikbar.
Il-problema tal-etika bejn il-prattika professjonali u l-impenn politiku hu wieħed ċar fl-informazzjoni li ħarget dwar l-involviment professjonali ta’ Mario Demarco bħala konsulent legali tal-kumpanija ta’ Silvio Debono tal-Mellieħa li ħadet l-art tal-ITS f’Pembroke.
Anke Mario Demarco għandu problema serja etika għax donnu ma jistax jagħżel bejn l-impenn politiku u l-professjoni legali. Fi ftit kliem ma jistax ikollok saqajk fuq iż–żewġ naħat.
Jew tagħmel il-flus inkella tagħmel il-politika.