Simon jemmen fit-tmexxija tajba ?

 

Għamel tajjeb Simon Busuttil li jiddikjara u jxandar mal-erbat irijieħ li ma hu ser iħalli lil ħadd jirrikattah. Hekk għandu jkun. L-ebda politiku m’għandu jħalli lil min jirrikattah.  

Imma, jekk għadu ma ndunax, Simon Busuttil għandu jkun jaf li hu ovvju għal kulħadd li qed jipprova jgħaddi żżmien bin-nies. Bdawk li għandhom fiduċja għamja fih jista jgħaddi żżmien kemm irid, sakemm iħalluh, imma hu ftit diffiċli biex jgħaddi żżmien bil-bqija. Forsi jkun aħjar għal Simon Busuttil li joqgħod attent li jmexxi sewwa, kemm hu, kif ukoll dawk ta madwaru. Fil-kaz tad-donazzjonijiet ta Silvio Debono tas-Seabank  lill-Partit Nazzjonalista jidher ċar li hemm it-taħwid. Idur kemm idur mal-lewża Simon Busuttil mhuwiex qed jirnexxielu jgħatti dan it-taħwid. Iktar ma jipprova, iktar hemm min qiegħed jiftaħ għajnejh.

Il-problema reali li għandu Simon Busuttil u li jeħtieġ illi jiffaċċja mhux xi rikatt, imma l-għatx kbir għad-donazzjonijiet li kellu l-Partit Nazzjonalista u Ii naħseb illi għad għandu, sakemm isib tarf tad-djun kbar li għandu l-PN. Dan hu għatx li pprova jissodisfa bdonazzjonijiet illegali, meta, skond Silvio Debono mexxejja tal-PN qalulu biex l-għotja tiegħu tkun fil-forma ta ħlas għal servizzi li la qatt ma ngħata u probabbilment li l-anqas ma kellu bżonn. Din hi l-verżjoni ta Silvio Debono li fil-fehma tiegħi titwemmen iktar minn dak li qal Simon Busuttil.

Xkienu dawn is-servizzi?

Hija din il-mistoqsija li għandu jwieġeb Simon Busuttil iktar milli joqgħod għaddej bit-tejatrin u jilgħab tal-vittma biex jipprova jgħatti xturu u xtur il-PN. Bil-mod kif aġixxa u tkellem matul din il-ġimgħa, Simon Busttil tefa dubji kbar dwar  kemm jemmen fgovernanza tajba. Għax jekk it-tmexxija tajba diga qed jagħtiha l-ġemb, issa, fit-tmexxija tal-Partit, aħseb u ara kif jimxi iktar il-quddiem.

Kif jista jitwemmen, meta dwar dan l-iskandlu tad-donazzjonijiet ta Silvio Debono lill-PN Simon Busuttil mhux kapaċi jagħti spjegazzjoni li tagħmel sens?

It-tidwir mal-lewża qatt ma wassal imkien.