Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-Partit Nazzjonalista kien issellef kwart ta’ miljun euro mingħand Żaren Vassallo. Dakinnhar kien intqal li dak is-self kien ta’ natura kummerċjali. Ma kien ippubblikat xejn u allura xejn m’hu magħruf dwar dan is-self: la l-kundizzjonijiet u l-anqas jekk tħallasx lura, inkella jekk inħafirx.
Din hi informazzjoni li l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali li jagħti.
Issa l-PN beda skema ta’ self imsejħa ċedoli 2016 li permezz tagħha numru ta’ persuni jsellfu €10,000 (r-ras) għal għaxar snin u ta’ dan jitħallsu imgħax ta’4% fis-sena.
Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li għadda tirregola s-self li jagħmlu l-partiti politiċi b‘mod limitat. Dan tagħmlu billi jekk fost il-kundizzjonijiet tas-self ikun hemm kundizzjonijiet favorevoli, il-vantaġġi li jakkwista l-partit jitqiesu bħala donazzjoni, u allura jkunu regolati skond ir-regoli tad-donazzjonijiet. L-ammonti ta’ interessi huma żgħar (€400 kull ċedola fis-sena) u l-vantaġġi minn kull ċedola li jistgħu jitqiesu bħala donazzjoni huma għaldaqstant ferm żgħar. Dan meta tqabblu mal-ammont ta’ €7,000 fis-sena li hu l-ammont li jekk jinqabeż bħala donazzjoni (minn persuna waħda f’sena) jkun meħtieġ li jkun dikjarat (anke l-isem tal-persuna li tagħmel id-donazzjoni tkun ippubblikata).
Il-mistoqsijiet li qed isiru huma diversi. Fosthom hemm mistoqsija dwar jekk il-lista tal-ismijiet ta’ dawk li ser isellfu lill-PN hiex ser tkun ippubblikata. Il-liġi li approva l-Parlament fl-2015 ma toħloqx dan l-obbligu. Imma huwa ċar li l-lista ma tistax tkun sigrieta. L-awdituri tal-PN ser jagħmlu l-verifiki tagħhom. Biex jagħmlu dawn il-verifiki jkun meħtieġ li jeżaminaw id-dokumentazzjoni dwar iċ-ċedoli. L-istess jistgħu jagħmlu l-awdituri tal-Kummissjoni Elettorali li ukoll għandhom l-awtorità li jagħmlu l-verifika jekk ikun hemm ħtieġa għal dan.
Dan naħseb li mhux biżżejjed u jkun għaqli li l-liġi tkun emendata biex dawn it-tip ta’ skemi ta’ self ikunu trasparenti. B’żieda ma dan, l-obbligu li l-flus jintraddu lura għandu jkun garantit, preferibilment b’insurance. Dejjem sakemm ma jkunux garantiti mill-Bank of Vassallo.