
Il-White Paper ippreżentata mill-Gvern il-bieraħ dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi hu pass tajjeb il-quddiem li dwaru Alternattiva Demokratika tkellmet f’kull programm elettorali tagħha mill-1992 lil hawn.
Naqbel 100% mal-prinċipji ta’ trasparenza u kontabilita’ li l-White Paper tmexxi l-quddiem iżda hemm ħtieġa ta’ diskussjoni fil-fond fuq id-dettalji, ċjoe fuq kif ser titħaddem l-eventwali liġi.
L-ammonti dwar donazzjonijiet li huma proposti fil-White Paper huma għoljin wisq u għandhom jonqsu, bħalma għandhom jonqsu l-limiti dwar l-infieq permissibli minn kandidati fl-elezzjonijiet diversi. Naħseb li hu esaġerazzjoni illi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jibda ma donazzjoni ta’ €10,000 kif tipproponi l-White Paper. Tajjeb li niftakru li €10,000 huma ftit iktar minn paga minima ta’ persuna waħda għal sena sħiha. L-ammont li jekk jinqabeż ikun hemm notifika dwaru għandu jkun ferm iktar baxx minn hekk. Fil-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni ta’ Marzu 2013 ipproponejna li dan it-threshold għandu jkun ta’ €4,000. Jidhirli li dan hu ferm iktar raġjonevoli minn dak li tipproponi l-White Paper.
Il-White Paper ma titkellimx dwar self li l-partiti politiċi jista’ jkollhom minn żmien għal żmien. Konna smajna ftit qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kif il-Partit Nazzjonalista kien issellef madwar kwart ta’ miljun euro mingħand il-Bank of Vassallo. Dakinnhar kien intqal li din kienet transazzjoni kummerċjali u li dan kien self li kien ser jitħallas lura. Jekk tħallasx lura jew le ma nafx. Imma jibqa’ l-fatt li hu mċajpar fejn qiegħed il-punt ta’ diviżjoni bejn l-attivita’ kummerċjali u l-ħidma politika tal-partiti politiċi. Il-White Paper m’hi xejn ċara dwar dan.
Hemm imbagħad it-taparsi self li jista’ jsir lill-partiti bħalma ġara fl-Ingilterra xi snin ilu. L-iskandlu fl-Ingilterra dakinnhar kien li dawn ma kienux każijiet ta’ self imma ta’ għotjiet sostanzjali moħbija biex jevitaw li jkunu dikjarati bħala tali. Dwar dan it-tip ta’ logħob il-White Paper hi siekta ukoll.
Fil-White Paper ma hemm l-ebda referenza għall-infieq permissibli mill-partiti politiċi waqt kampanja elettorali. Nistaqsi: hu aċċettabbli li partit politiku f’Malta jonfoq il-miljuni f’kampanja elettorali? Jiena naħseb li dan it-tip ta’infiq hu esagerazzjoni. Huwa nuqqas gravi li hu injorat. L- anqas ma huma raġjonevoli il-limiti l-ġodda proposti għal-infieq mill-kandidati. L-€1,400 limitu tal-lum għal kandidat f’elezzjoni ġenerali hu redikolu u l-parti l-kbira tal-kandidati kienu jinjorawh. Imma l-€25,000 limitu għal infieq minn kandidat għal elezzjoni ġenerali hu għoli wisq. Mhux għax m’hemmx min diġa jonfoq iktar minn hekk. Imma għax hu esaġerazzjoni li m’għandux ikun permess. L-elezzjoni mhiex battalja ta’ min jonfoq l-iktar, iżda battalja ta’ ideat. Eżerċizzju biex nikkonvinċu lill-elettorat mhux eżerċizzju ta’ l-isbaħ kuluri u parties. Biċ-ċifri proposti għal infieq li jkun permess il-White Paper qed tagħti messaġġ żbaljat.
Il-Kummissjoni Elettorali ma tistax tkun l-aħjar regolatur għax tul is-snin u għal raġunijiet storiċi ukoll ġiet ikkapparata mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista. Fil-Parlament bħalissa qed issir diskussjoni dwar l-istandards ta’ inġieba u etika fil-ħajja pubblika. Dak hu l-forum addattat. Hemmhekk il-Gvern u l-Opposizzjoni qed jaqblu li għandu jkun hemm persuna indipendenti li tissorvelja l-imġieba fil-ħajja pubblika. Tajjeb li l-finanzjament tal-partiti jkun regolat f’dan l-istess qafas.
Il-White Paper titkellem ukoll dwar il-ħtieġa tar-reġistrazzjoni tal-partiti u tipproponi diversi miżuri li bihom għandhom ikunu irregolati l-partiti politiċi. Naħseb illi f’dan il-qasam il-White Paper qed tidħol f’ħafna dettal żejda. Ikun għaqli li wieħed jillimita ruħu għal dak li hu essenzjali.
F’dawn il-ġranet il-Gvern permezz tas-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici ser jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti li saru fil-White Paper. Owen hu persuna li kapaċi tisma’. Alternattiva Demokratika fi ħsiebha tiltaqa’ miegħu biex twassal proposti dettaljati dwar kif il-finanzjament tal-partiti jista’ jkun regolat b’mod adegwat.
B’hekk nassiguraw li mhux biss nagħmlu pass il-quddiem, iżda li dan il-pass ikun ukoll fis-sod.
ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 5 ta’ Frar 2014