Il-Board tad-Diretturi tal-Allied Newspapers Limited ħadu passi mill-ewwel dwar l-allegazzjonijiet li ixxandru dwar il-Managing Director tagħhom nhar il-Ġimgħa.
Bagħtu għalih, kellmuh u iddeċidew dak il-ħin stess (bi qbil miegħu) li hu għandu joħroġ bil-leave immedjatament u li għandha tinfetaħ inkjesta interna biex ikun magħrufa u evalwati l-fatti.
Illum tħabbar li l-Managing Director irriżenja. Fl-istqarrija intqal li din ir-riżenja kienet qed issir fl-interess tal-kumpanija. Ovvjament biex tkun imnaqqsa l-ħsara kbira għar-reputazzjoni tagħha.
Sadanittant Joseph jidher li ma tgħallem xejn. Għax għalih qiesu ma ġara xejn. Mid-dehra m’huwiex inkwetat bi ħsara kbira għar-reputazzjoni tiegħu u tal-Gvern tiegħu.
Probabbilment ilu li rrealizza li la hu u l-anqas il-Gvern immexxi minnu ma għad għandu reputazzjoni x’jitlef.
Imma r-reputazzjoni ta’ Malta qed tiġi effettwata bil-kbir. L-impatt sfortunatament naraw matul ix-xhur u s-snin li ġejjin. Imma Joseph jiġi jaqa’ u jqum minn dan.