Il-Jaguar ta’ Austin Gatt

 

jaguar-xf-picture

 

Il-Ministru Austin Gatt daħħal Jaguar. M’hiex tiegħu. Tal-Gvern. Jiġifieri ser titħallas mit-taxxi li nħallsu int u jien.

 

Għalina m’hemmx Jaguar!

 

Kif kien mistenni l-Gvern fil-Budget ħabbar sistema ġdida dwar kif ikunu intaxxati l-karozzi. Taxxi li ma jitħallsux fuq il-Jaguar li ser juża Austin il-Ministru.

 

Ser ikollna taxxa dwar ir-reġistrazzjoni u t-taxxa dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi.

  

Il-mod kif tinħadem it-taxxa dwar ir-reġistrazzjoni inbidel u bħala riżultat karozzi ta’ ċilindrata kbira huma soġġetti għal taxxa ikbar. B’hekk karozzi żgħar – kemm fid-daqs kif ukoll fiċ-ċilindrata – ser tonqos fuqhom il-piż tat-taxxa li minflok ser tintefa fuq il-karozzi l-kbar. Jekk dan it-tnaqqis ta’ taxxa huwiex ser jirrifletti ruħu fil-prezz tal-karozzi għad irridu naraw.

 

Il-kelmiet “taxxa dwar iċ-ċirkulazzjoni” huma kelmiet oħra flok il-liċenzja ta’ kull sena li nħallsu. Din it-taxxa taċ-ċirkulazzjoni ser tkun trid titħallas minn kulħadd : kemm dawk li għandhom karozzi ġodda kif ukoll dawk li għandhom karozzi qodma.

 

Li titħallas minn dawk li għandhom karozzi ġodda naħseb li huwa sewwa u dan minħabba li dawn il-karozzi ser ikunu inxtraw taħt sistema ġdida u għandhom joqgħodu għaliha kollha.

 

Id-diffikulta hi dwar il-karozzi l-qodma li ser ikollhom iħallsu din it-taxxa ukoll b’effett minn l-1 ta’ Jannar li ġej. Il-Gvern qed jgħid li din hi taxxa ambjentali għax tintaxxa lil min iħammeġ l-iktar.

 

Issa taxxa ambjentali għandha l-iskop li tinkoraġixxi bdil tal-imġieba ta’ dak li jkun. Biex jevita li tħallas din it-taxxa irid ikun possibli illi ġġib ruħek b’mod differenti. Issa l-alternattivi għal karozza qadima huma tnejn : jew tixtri karozza ġdida inkella tagħmel użu mit-trasport pubbliku. Għal min il-mezzi tiegħu huma limitati t-trasport pubbliku huwa l-uniku alternattiva. Fl-assenza ta’ transport pubbliku effiċjenti jiġifieri, ma teżisti l-ebda alternattiva. Ikollok tħallas it-taxxa.

 

Kien ikun iktar għaqli illi l-implementazzjoni tat-taxxa taċ-ċirkulazzjoni għall-karozzi l-qodma tidħol fis-seħħ mar-riforma tat-trasport pubbliku. B’hekk ikun hemm vera għażla, għażla realistika anke għall-faxxa soċjali li għandha riżorsi limitati. Kif inhi implimentata għaldaqstant it-taxxa taċ-ċirkulazzjoni hi soċjalment rigressiva u dan għax tolqot ħażin lill-faxxa soċjali t’isfel mingħajr ma tipprovdi alternattivi.

 

Hemm ukoll punt ieħor : il-Gvern iddeċieda li ġaladarba karozza hi qadima bil-fors tħammeġ iktar minn karozza ġdida jew minn karozza li ilha fit-triq għal numru inqas ta’ snin. Dan m’huwiex korrett. Kien ikun aħjar li kieku minflok ma ntużat l-eta tal-karozza sar użu mill-emissjonijiet attwali kif dawn wara kollox jirriżultaw mit-testijiet tal-VRT. Ma ninsewx li wieħed mit-testijiet li jsiru lill-karozzi meta jsirilhom il-VRT huwa kemm joħroġ exhaust. L-ADT taf kemm huma l-emissjonijiet tal-karozzi kollha kull sentejn u m’għandu jkollha l-ebda diffikulta li tagħmel użu minn din l-informazzjoni biex fuqha jiġi determinat l-ammont ta’ taxxa ta’ cirkulazzjoni pagabbli dwar il-karozzi.

 

B’hekk ikunu intaxxati l-karozzi li jħammġu verament, u min jieħu ħsieb il-karozza tiegħu ma jkunx ippenalizzat bħal min jittraskurha kontinwament.

 

Wara kollox mhux kulħadd bħal Austin : bil-Jaguar bla taxxi wara l-bieb !

6 comments on “Il-Jaguar ta’ Austin Gatt

  1. Hu xi nghidu ghal dawk li ftit ta’ snin ilu xtraw karozzi ta’ l-Ewropa bl-emission standards tal-EU. Zgur li ma ghandhomx ihallsu registrazzjoni daqs dawk it-trakkijiet u karozzi li gew mill-Gappun. Mela ghalfejn sirna Ewropej?

  2. Ikolli nghid li t-taxxa tac-cirkolazzjoni hija wahda illegali. Kull karozza bil-ligi, isirilha test tal-VRT kull sentejn. Wiehed minn dawn it-tests huwa propju dwar l-emissions. Jekk il-karozza tghaddi mit-test allura jfisser li ma thammigtx. Kieku thamegg ma tghaddix mit-test. Allura ghalaiex wiehed li jiehu hsieb il-karozza tieghu jew juzaha biss biex johrog lill-familja kultant, ghandu jhallas din it-taxxa l-gdida? Ghalhekk nghid li barra li hija taxxa bla sens, hija wkoll taxxa illegali. .

  3. 1.Kellu chance tad-deheb li jghati ezempju tajjeb billi jordna hybrid car u jistalla electric solar panels fuq il-bejt tieghu u l-anqas din l-opportunita ma ha!
    Dan il-ministru joqghod il-Belt u missu jidher spiss hu stess juza it-trasport publiku. Wara kollox hadd daqs ir-residenti tal-belt ma ghandu l-facilita li jmur fejn irid go Malta billi jaqbad karozza tal-linja wahda biss. Apparti l-fatt li bhala ministru responsabli mit-trasport publiku wiehed jippretendi minnu li juza it-trasport publiku regolarment halli jiehu ideja “first hand” u jimmoniterja personalment xi tkun is-sitwazzjoni tat-trasport publiku attwali u mhux sempliciment jaqra rapporti miktubin minn haddiehor

    2.Ix-xiri ta’ karozza gdida – hi kemm hi “environmentally friendly” huwa essenzjalment dejjem att kontra is-sahha ambjentali ghaliex jintuzaw finite resources bhal materjal kimiku kif ukoll hafna fuel biex tigi mahduma l-karozza kif ukoll biex tigi trasportata lejn il-pajjiz fejn ser tintuza. Il-carbon u environmental footprint ta’ karozza gdida hi enormi.

    3. Il-karozzi godda (jew insomma “second hand tal-Japan” li jinxtraw hawn Malta iridu jigi importati u ghalhekk anki purament mill-att ekonomiku ta’ ”balance of payments” ma taghmel l-ebda sens li pajjiz jinkoraggixxi importazzjoni ta’ karozza godda.

    (2) u (3) juru car li l-gvern ghandu jincentiva li kemm jista jkun jinzammu il-karozzi qodma izda fejn hemm bzonn jigu refurbished, tinbidlihom il-makna ghal wahda aktar efficjenti u b’inqas emissjonijiet , jigu installati catalytic convertors etc. u li fuq kollox il-karozzi kollha jinzammu f’kundizzjoni tajba u sikura.

  4. Am i correct in believing that it is illegal to charge registration tax on used cars which were previously registered in EU countries?

Leave a comment