Il-5 Bozoz ta’ Lawrence Gonzi

bulb_5 

 

Kif tħabbar fil-budget f’data mhux il-bogħod ser nirċievu voucher li jintitolana nġibu 5 bozoz energy savers mill-ħanut tal-għażla tagħna.

Dawn il-bozoz jużaw bejn 66% u 80% inqas enerġija mill-bozoz li aħna mdorrijin nużaw u jibqgħu tajbin għall-użu għall-perjodu ferm itwal.

 

 Issa li l-Gvern beda il-kampanja favur dawn il-bozoz li jaħlu anqas hemm ħtieġa ukoll ta’ kampanja edukattiva dwar :

a)       kemm hu utli li nagħmlu użu minn dawn il-bozoz biex ma naħlux elettriku,

b)       kif niddisponu mill-bozoz li jkunu spiċċaw,

c)       x’għandna nagħmlu meta tinkiser bozza.

 

L-utilita’ tal-użu ta’ dawn il-bozoz m’għandix dubju li jifhimha kważi kulħadd. Mhux ċajta li tifranka sa 80% tal-elettriku li normalment tuża’ biex iddawwal id-dar.

Xi ħaga importanti li s’issa għadu ma ntqal xejn dwarha f’Malta hu kif niddisponu minn dawn il-bozoz energy savers meta jintemm l-użu tagħhom. Dawn il-bozoz fihom ammont żgħir ħafna ta’ merkurju, sustanza perikoluża li insibuha ukoll f’ammont ferm ikbar fit-termometri u l-barometri li għandna minnhom fi djarna. Meta bozza energy saver tispiċċa allura ma tistax tintrema mal-iskart normali u dan biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-merkurju li hu meqjus bħala hazardous waste. Jiena naħseb li l-WasteServe, l-aġenzija tal-Gvern li tieħu ħsieb l-immaniġjar tal-iskart għandha teduka u tinforma lill-pubbliku ta’ x’għandu jsir f’dan ir-rigward.

 

Meta tinkiser bozza m’għandniex nallarmaw ruħna. Kif jgħidu l-esperti f’pajjiżi oħra huwa importanti li meta tinkiser bozza nagħtu ċans lit-trab tal-merkurju joqgħod, jiġifieri li ma jkunx għadu fl-arja u b’hekk ma nassorbuhx man-nifs. Id-Dipartiment tal-Ambjent Ingliż fil-fatt jirrakkomanda li l-kamra li fiha tinkiser bozza energy saver għandha tkun evakwata għal 15-il minuta. Nistenna li l-awtoritajiet f’Malta jispjegaw b’mod iżjed ċar x’għandu jsir

Issa li l-Gvern iddeċieda nittama li jibda kampanja pubbliċitarja ta’ tagħrif biex b’hekk kulħadd ikun infurmat u kulħadd ikun jaf kemm jaqbel nużaw il-bozoz energy savers, kif niddisponu minnhom u x’għandu jsir jekk tinkiser bozza.

 

Ara ukoll dawn il-links :  BBC        u      DEFRA