Sinjal ta’ progress ?

traffic 

 

 

Fil-Parlament il-bieraħ intqal li fil-waqt li fis-sena 2000, 630.6 minn kull elf Malti kellu karozza, fis-sena 2007 dan in-numru tela’ għal 699.8 .  Zieda ta’ kważi 70 karozza għal kull 1000 resident !

 

Dawn iċ-cifri ġew deskritti bħala sinjal ta’ progress.

 

F’soċjeta’ żgħira bħal tagħna jiena naħseb li dawn iċ-ċifri huma sinjal ħażin ħafna. Il-parti l-kbira tad-distanzi li neħtieġu nivvjaġġaw mhumiex kbar. B’sistema ta’ transport pubbliku effiċjenti jiena naħseb li kienu jkunu ħafna dawk li jagħżlu li ma jkollhomx karozza. Jew flok żewġ karozzi fil-familja jinqdew b’karozza waħda.

 

Imma s-servizz ta’ transport pubbliku kif inhu s’issa, fl-2008, huwa tali li jekk ma jkollokx karozza tkun qed tagħżel li tinqata’ mid-dinja.

 

B’servizz ta’ transport pubbliku effiċjenti allura kien ikollna numru ferm inqas ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Preżentement hawn madwar 300,000 karozza fit-toroq ta’ dawn il-gżejjer.

 

Imbarra l-infieq biex dawn jinxtraw ifisser spejjes biex jitħaddmu u tniġġiż fit-toroq tagħna. Mhux ta’ b’xejn li l-aħħar rapport ippubblikat mill-MEPA dwar l-Istat tal-Ambjent jidentifika t-trasport bħala wieħed mill-ikbar impatti negattivi fuq l-ambjent.

 

Altru li sinjal ta’ progress !