Dr Gonzi u t-trasparenza fil-MEPA

mepa

 

Il-Prim Ministru l-bieraħ waqt business breakfast organizzat mill-Kamra tal-Periti tkellem b’mod ġenerali dwar ir-riforma li teħtieġ illi ssir fil-MEPA u kif din tinkwadra fir-riformi l-oħra li jrid jagħmel il-Gvern f’diversi oqsma.

 

Fost dak li ntqal, kif rappurtat mill-Independent laqatni l-kumment segwenti :

 

” However, he said, that there is a big difference between transparency in procedure and true     transparency achieved by giving motivated decisions. MEPA lacks in this sense, he explained, as no explanation is given why explanations should be accepted by boards in the face of a refusal suggested by case officers.”

  

L-unika ħaġa li kien jonqsu jgħid il-Prim Ministru kien li l-Liġi kif inhi illum diġa tipprovdi dwar dan. Fil-fatt l-artiklu 13 (5) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jipprovdi kif ġej :

 

 

“Meta l-Kummissjoni tivvota kontra rakkomandazzjoni magħmula mid-Direttur ic-Chairman ta’ dik il-Kummissjoni għandu jirreġistra fil-file relattiv ir-raġunijiet ta’ ppjanar speċifiċi mogħtija mill-membri tal-Kummissjoni li ma jkunux qablu mar-rakkomandazzjoni tad-Direttur.”

 

Li kien qed jiġri hu li f’uħud mill-każijiet il-membri tal-Kummissjoni ġew jaqgħu u jqumu minn dan. Jiġifieri il-liġi diġa tipprovdi għal trasparenza tali li tobbliga illi jkun hemm spjegazzjoni kull meta rakkomandazzjoni tad-Direttur tal-Ippjanar (jew il-case officers li jagixxu f’ismu) ma tkunx milqugħa mill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp. Li ġara kien li l-membri tal-Kummissjoni ma mxewx mal-liġi. U qiesu ma ġara xejn.

 

It-tagħlima hi : l-emendi għall-liġi mhux biżżejjed. Iridu jinħatru persuni kompetenti u li jifhmu fl-ippjanar. S’issa dan mhux dejjem sar. Anzi ħafna drabi ma sarx !