Ir-Riħ min-Nofsinhar. It-tibdil fil-Klima skond Immanuel Mifsud u Adrian Grima

rih_min-nofsinhar_mini

Diskors ta’ Carmel Cacopardo Kelliemi ta’ Alternattiva Demokratika

Dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Gvern Lokali

 

Fiera tal-Ktieb : Dar il-Mediterran għall-Konferenzi

Is-Sibt 15 ta’ Novembru 2008

 

 

Il-ktieb Ir-Riħ min-Nofsinhar. It-tibdil fil-Klima skond Immanuel Mifsud u Adrian Grima nista’ niddeskrivieh bħala ġabra ta’ riflessjonijiet dwar il-globalizzazzjoni tal-inġustizzja soċjali.

 

Jesponi konfront bejn il-globalizzazzjoni u l-lokalizzazzjoni. Konfront bejn il-mixja lejn kompetittivita’ fuq livell globali u l-effetti soċjali u ambjentali tas-suq bla lġiem li qiegħed jinħoloq. Fuq naħa hemm il-kilba għall-profitt akkost ta’ kollox u fuq in-naħa l-oħra hemm is-sejħa lejn l-għeruq : il-bniedem f’armonja mal-eko-sistema li minnha jifforma parti. Immanuel Mifsud jagħżel sewwa kliemu meta jgħid :

 

Xi l-madoffi tippretendu?

Din hi l-liġi tan-natura

Illi jkollok naħa fqira

U li oħra tkun sinjura                 Il-Ballata tal-Kiribati pp.11-6 

 

Dan il-ħsieb jintiseġ fil-kontribuzzjonijiet differenti fil-ktieb : naħa tad-dinja tistagħna a skapitu tal-kumplament. Il-faqar issa żżewwaq biż-żieda tal-bidla fil-klima bħala għodda li tiġġenerah. Għal bosta dan hu kastig li ma jifhmux għax huma għexu u qed jgħixu ħajja li tħares lejn l-eko-sistema b’venerazzjoni. Ma jaslux biex jagħmlu l-ħsara ambjentali. Jgħixu ħajja sostenibbli sakemm iħalluhom! Adrian Grima fil-kontribuzzjoni ntitolata  Todo Relación (p.59) jiffoka fuq ir-reazzjoni tal-Aymara, grupp indiġenu fil-Peru li jħares lejn il-bdil fil-klima bħala kisra fil-kontinwita ta’ relazjoni intima bejn il-bniedem u n-natura. Ix-xita li ma taqta’ xejn ħarbtet xogħolhom “U kaxkru kollox magħhom l-ilmijiet”.

 

 

Il-bidla fil-klima hi l-effett dirett tal-ħidma tal-bniedem. Iżda sfortunatament il-konsegwenzi ma jġorrhomx biss min iħarbat. L-effetti ewlenin qed iġorrhom min ma ikkontribwixxa xejn lejn il-ħsara li saret. Għandna l-ewwel refuġjati tal-klima minn Kiribati li qed jaraw b’għajnejhom il-livell tal-baħar tiela’ u darhom tisparixxi. Immanuel Mifsud jinseġ il-karba :

 

Mill-korall tal-Kiribati

Ħierġa għanja kollha niket

Għax l-art sbejħa lewn il-ġawhar

Issa l-mewġ donnu qed jiret                  Il-Ballata tal-Kiribati pp.11-6 

 

 

 

Din hi storja li kuljum tiżviluppa quddiemna. Matul din il-ġimgħa stess smajna fl-aħbarijiet li l-Gvern tal-Maldives, qed ifittex li mill-flus li l-pajjiż qed jiġġenera mit-turiżmu tinxtara art x’imkien biex il-popolazzjoni tal-Maldives ikollha x’mkien ieħor fejn toqgħod meta arthom tinbela mill-baħar.

 

 

Il-ktieb ma jillimitax ruħu għall-bidla fil-klima. Jesplora ukoll qasam ambjentali ieħor li miegħu aħna f’Malta familjari mhux ħażin. Immanuel Mifsud jeżamina l-iżvilupp tal-art. Jgħidilna :

                       

                        Aqta’ fjura u ibni kamra ;

                        Aqla’ siġra u tella dar ;

                        Imxi metru, ibni villa ;

                        Tinkwetax …… dak li sar sar.

 

                        Mur pass ieħor u ibni torri ;

                        Itla’ fl-għoli miss is-sħab ;

                        Tinkwetax jekk sħaqt l-għelieqi ,

                        Kulma ħlejt kien naqra trab.

 

U jikkonkludi billi jgħid

                       

                        Aqta’ fjura u ibni kamra

                        Jiena nifhem, ‘tini widen;

                        Meta mbagħad tkun lest minn kollox

                        Ħu nifs qawwi u mur indifen.

                                   

                        Aqta’ Fjura u Ibni Kamra jew Iċ-Ċajta tad-Dollaru pp. 54-5

 

 

Il-karba ta’ Immanuel Mifsud hi waħda favur l-art u kontra l-qerda. Kontra l-kilba għall-profitti li tiġġenera l-ispekulazzjoni tal-art li teqred kullma ssib f’isem dak li jissejjaħ żvilupp, mgħejjun fil-fehma tiegħi bil-logħob bil-pjanifikazzjoni lokali tal-art u mill-kuxjenza tal-lastku ta’ uħud. B’mod dispreġġjattiv dawn ħarsu lejn l-art m’hiex mibnija bħala ħela u x-xagħri bħala art żdingata mxennqa għal ftit konkos.

 

B’ton sarkastiku Immanuel iħeġġeġ :

 

                        Tagħtix kas li l-baħar tiela’ –

                        Itla’ fl-għoli anki int :

Bnejt it-torri, itla’ fuqu

Ibda gawdi dak li ħdimt.

Aqta’ Fjura u Ibni Kamra jew Iċ-Ċajta tad-Dollaru  pp. 54-5

 

Kull meta ndawru wiċċna quddiem din il-qerda jew għar minn hekk ikun hemm min jipprova jiġġustifika nkunu kompliċi ma dak li jkun qiegħed isir. Il-qerda tal-art mhiex ġustifikabbli mill-impiegi li din tiġġenera, l-anqas mill-prodott gross nazzjonali assoċjat magħha. L-kejl ekonomiku mhuwiex riga li neċessarjament ikejjel il-progress. Ikejjel biss in-numri u jinora l-ħajja ta’ madwarna. Xi progress hu dak li qed tiġġenera l-industrija tal-bini li bil-barka tal-awtoritajiet tibqa’ tipproduċi gabubi tal-konkos, bricks u ġebel meta hawn il-fuq minn 53,000 post vojt?

 

Annalise Falzon, ambjentalista attiva fin-NatureTrust temfasizza dan l-istess punt fil-konfront tat-turiżmu fil-kontribut tagħha intitolat “Fejn il-Baħar jiltaqa’ mal-Blat”. Il-kosta hi balbuljata ta’ bini u t-turiżmu f’Malta hu ferm il-bogħod milli jkun sostenibbli (pp.26-9).

 

Tinkwieta xejn. Immanuel jgħidilna “li sar sar” . U nkomplu nħallsu jien u int. Forsi mbagħad nibdew nifhmu għaliex minkejja d-dikjarazzjonijiet pubbliċi għad hemm resistenza qawwija dwar ir-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-politika f’Malta.

 

Il-bdil fil-klima għandu effett fuq il-biedja Maltija ukoll, kif jgħidulna l-membri tal-Kooperattiva Rurali tal-Manikata. Il-bidwi Joseph Sciberras qed jara l-ilma tal-pjan jispiċċa ftit ftit. Qed jifhem li b’temperatura li togħla b’żewġ gradi Celsius ikollna ħerba. Diġa qed iħoss b’idejh il-bdil fil-klima. Fi Frar per eżempju jgħidilna Sciberras “hemm ix-xita li jew ma tagħmilx, jew meta tagħmel tinżel bil-qawwi u tispiċċa tkaxkar il-ħamrija u twaqqa’ l-ħitan tas-sejjieħ, bil-konsegwenza li x-xita li tagħmel tispiċċa ma tinxtorobx mill-ħamrija u tibqa’ sejra.” (Ix-Xemx li Taħraq Kollox. pp.19-20)

 

Il-bidla fil-klima nassoċjawha maż-żjut li nikkunsmaw (fossil fuels). Dak li Thom Hartmann1 jiddeskrivi bħala l-ħażna tal-ħidma tax-xemx tul miljuni ta’ snin. Għamilna użu mir-riżervi. Pero kif jispjegalna Clive Ponting2 apparti l-użu tar-riżervi ta’ ħidmet ix-xemx l-użu b’mod mhux sostenibbli tar-riżorsi fil-foresti (jiġifieri l-qtugħ ta’ siġar għall-injam) tul is-snin ikkontribwixxa bil-kbir għall-qagħda attwali u dan minħabba l-eliminazzjoni ta’ “carbon sinks” li sparixxew għal dejjem. Qrib tagħna, ngħidu aħna fil-Mediterran l-imperi biex jissodisfaw ħafna mill-ħtiġijiet tagħhom għad-dominazzjoni tad-dinja ta’ żmienhom qerdu foresti kbar. L-avvanz tal-agrikultura ukoll eliminat kwantita ta’ foresti madwar id-dinja tul is-snin.

 

Jiġifieri illum qed inġorru l-piż akkumulat ta’ kif ħadmet l-ekonomija tad-dinja matul is-snin. Il-ġenerazzjonijiet tal-qabilna mhux kollha u mhux dejjem taw każ u mhux kollha fehmu li niffurmaw parti minn eko-sistema. Fil-passat ukoll, uħud li għandhom dixxendenti denji jgħixu illum ukoll ħatfu kull ma sabu.

 

Iżda fost il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kien hemm ukoll min mexa kontra l-kurrent. Uħud fehmu li mhux qed ngħixu f’ekonomija iżda f’eko-sistema u li għaldaqstant jeħtieġ li dejjem inqiesu sew dak kollu li nagħmlu mhux biss fil-konfront ta’ ħutna l-bnedmin iżda ukoll fil-konfront ta’ oħtna n-natura. Din hi s-sostenibilita. Sistema ta’ tmexxija li trid tagħti kont  lill-ġenerazzjonijiet li għadhom ma twieldux li silfuna din l-eko-sistema biex nieħdu ħsiebha. Sistema ta’ tmexxija fejn id-deċiżjonijiet ekonomiċi jittieħdu wara li jitqiesu l-parametri tal-ekosistema li niffurmaw parti minnha. Jekk u kull meta dan ma jsirx oħtna n-natura ser tirritalja kif qed tagħmel preżentment bil-bdil tal-klima.

 

Nistgħu nfittxu soluzzjonijiet bl-użu ta’ dak li Adrian Grima jsejjaħ “il-juice tal-qamħirrum” :

Ġieli rajtu l-juice tal-qamħirrum?

Għandek ħjiel ta’ kif ikun?

Tagħmlu minnu?

Taf li ma jarmix CO2?      

 

4X4 Ipparkjajt fuq il-bankina fil-Bajja ta’ San Ġiljan. p.35

 

 

inkella fl-impjanti nukleari li l-Italja ta’ Berlusconi qed titħajjar tistalla jew dawk li Franza ta’ Sarkozy qed tfittex li tifrex mal-Mediterran, inkluż wara biebna fil-Libja.

 

F’Malta kemm il-Gvern kif ukoll l-opposizzjoni baqgħu b’fommhom mitbuq dwar dan. Tkellmet biss Alternattiva Demokratika.

 

Meta jiġu applikati dawn is-soluzzjonijiet li jippreżentaw politiċi li jħarsu bħaż-żiemel liebes l-għammad, ikun hemm ġeneralment benefiċċju immedjat li l-politiku jiffoka fuqu. Imma dejjem ikun hemm prezz għoli x’jitħallas. Il-kont ma jiġix mill-ewwel. Ġieli jieħu ż-żmien, u meta jasal ikun kif ngħidu biz-zalza! Fil-fatt ġja beda jitħallas.

 

Il-prezz taċ-ċerejali m’għola s-sema huwa l-ħlas għall-politika tal-juice tal-qamħirrum.

 

L-inċidenti nukleari ta’ Chernobyl (1985) u Three Mile Island (1979) huma forsi l-bogħod wisq fiż-żmien biex neħduhom bħala twissija. Imma l-inċidenti fis-sajf li għadda fl-ipjant nukleari fi Tricastin u fil-madwar ġewwa Franza  għandhom jixegħlu l-bozza l-ħamra għal min irid ikun onest.

 

Kif jgħidilna Adrian Grima :

 

Bil-lejl ma torqodx

Bi nhar ma taħsibx                    Siem Jiftakar is-Siġar t’Afabet (p.17-8)

 

Siem qed jara d-deżert joqrob dejjem aktar – jiekol ftit ftit l-art għammiela. Dan m’huwiex iħallieħ jorqod. Aħna wkoll nitħassbu meta naraw Gvernijiet bi prijoritajiet żbaljati u li jdumu ma jiċċaqalqu qabel ma jieħdu passi ta’ fejda ambjentali. Dan meta l-effetti ilhom hawn u huma ċari :

 

Ma  tridx għerf, ma tridx wisq skola

Sabiex tkejjel l-ultra-vjola

Sabiex tisma’ t-tfal bis-sogħla

Jew biex tħoss il-baħar jogħla                Ola Ola Ola. p.40

 

 

Ħbieb tiegħi, huwa ż-żmien tal-azzjoni mhux tal-paroli. Il-ktieb li għandna quddiemna hu ta’ għajnuna biex jitrattbu l-kuxjenzi – fejn dawn għadhom jeżistu. Forsi niċċaqalqu ftit. Għax miexjin bil-mod wisq.

 

 

1 Hartmann Thom (2004) : The Last Hours of Ancient Sunlight. The Fate of the World and what we can do before it is too late. Revised edition. Three Rivers Press. New York.

 

2 Ponting Clive (1992) : A Green History of the World. Penguin. UK.