Daily Archives: November 27, 2008
It-Triq Tal-Għadira
Il-Gvern permezz tal-Ministru tat-Trasport Austin Gatt ħabbar il-ħsiebijiet tiegħu dwar il-kostruzzjoni ta’ triq ġdida fl-Għadira wara r-riżerva naturali kif ukoll wara l-villaġġ tad-Daniżi.
Intqal li saret konsultazzjoni mal-Birdlife u mal-Management tal-villaġġ Daniż. Tajjeb li saret konsultazzjoni magħhom, imma mal-pubbliku f’Malta s’issa għadha ma saret l-ebda konsultazzjoni. L-ambjent f’Malta la hu tal-Birdlife u l-anqas tal-Management tal-villaġġ Daniż iżda tal-poplu Malti.
Li kieku ma tkellmux il-gazzetti ħadd ma kien ikun jaf x’inhu għaddej.
It-triq kif proposta mill-Gvern ma tistax issir għax tmur kontra l-provedimenti tal-Habitats Directive tal-Unjoni Ewropea. Taħt il-provedimenti ta’ din id-direttiva ir-riżerva naturali tal-Għadira hi diġa dikjarata Special Area of Conservation (SAC). Fl-inħawi tal-SAC ma jista’ jsir xejn li jista’ jkollu impatt fuq l-area protetta. Triq ewlenija bħal dik proposta bil-movimenti u d-dwal li jkollha ser teffettwa l-funzjoni tal-SAC.
L-Unjoni Ewropea ma tagħtix fondi għal proġetti li jeffettwaw SACs. Jiġifieri jekk id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA jagħmel dmiru u jipproteġi r-riżerva tal-Għadira t-triq ma ssirx. Jekk min-naħa l-oħra d-Direttorat tal-Ambjent jagħlaq għajnejh u ma jagħmel xejn, jinstab mod kif l-Unjoni Ewropea tkun infurmata dwar x’qiegħed jiġri f’dan il-pajjiż li fih “bil-kliem” l-ambjent jingħata importanza kbira.
Jekk tintmiss it-triq eżistenti tal-Għadira, fi ġranet ta’ maltemp, meta jaħkem il-Grigal, dak kollu li hemm fir-riżerva jitkaxkar. Hi it-triq eżistenti li qed tipproteġi r-riżerva.
Hemm imbagħad l-effett fuq il-villaġġ tad-Daniżi. Dan inbena bħala faċilita turistika għall-kwiet, f’atmosfera rurali. Il-bini ta’ triq prinċipali kważi ħajt ma ħajt mal-villaġġ ser teqred l-identita ta’ dan il-villaġġ.
Hemm ħafna affarijiet oħra x’jingħadu dwar din it-triq pero’ naħseb li dan t’hawn fuq hu l-iktar importanti għalissa.