L-amnestija hi insult għalina lkoll

552.26

L-amnestija imħabbra l-ġimgħa l-oħra mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u l-Awtorità tal-Ippjanar hu insult goff lill-poplu Malti. Għax bl-amnestija ser ikun possibli li binjiet illegali jitnaddfu mill-illegalità tagħhom u jingħataw permess ta’ żvilupp.

Din l-amnestija mhiex limitata għal irregolaritajiet żgħar fil-bini. Li kienet hekk wieħed kien jifhem. Hi amnestija miftuħa għal kull irregolarità sakemm din l-irregolarità tkun fiż-żona tal-iżvilupp kif ukoll sakemm din ma tkunx ta’ ħsara lil terzi jew lil madwar (imsejħa injury to amenity). Ir-regolamenti ppubblikati ma jeskludux irregolaritajiet fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana jew irregolaritajiet li jkunu saru f’bini skedat. Jiġifieri anke dwar dawn l-irregolaritajiet jista’ jinħareġ permess ta’ żvilupp!

Hemm ukoll element ta’ segretezza konness mal-applikazzjonijiet għal amnestija. Dan ser jagħmel l-iskrutinju pubbliku iktar diffiċli. L-anqas ma jissemma d-dritt tal-oggezzjoni li (skond il-liġi) jista’ jsir minn terzi.

Din l-amnestija hi insult lil min għażel li jimxi sewwa u josserva l-liġi u jimxi mal-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp. Din mhiex l-ewwel amnestija li ngħatat u minkejja dak kollu li qed jingħad l-anqas ma hi ser tkun l-aħħar waħda.

L-amnestija qed tingħata minħabba l-kwantità ta’ irregolaritajiet fil-bini fil-pajjiż kif rifless fin-numru kbir ta’ ordnijiet ta’ infurzar li baqgħu pendenti tul is-snin. Numru li kompla jikber, sena wara l-oħra, għax l-awtoritajiet ma kienux kapaċi li jinfurzaw il-liġi quddiem min kien lest li jisfida. Mela issa min sfida u għamel ta’ rasu qed jgħidulu: issa ħallas multa u qiesu qatt ma kien xejn!

L-amnestija qed tippremja lil min abbuża u fl-istess ħin qed tikkastiga lil min mexa sewwa. Hi fuq kollox dikjarazzjoni ta’ falliment fl-amministrazzjoni pubblika.

Ir-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti li permezz tagħhom qed tiddaħħal l-amnestija fihom ħafna difetti, fil-fehma tiegħi probabbilment intenzjonati. Difetti li jikkontrastaw ma dak li tipprovdi l-liġi prinċipali. Minħabba dawn id-difetti, l-validità legali ta’ dawn ir-regolamenti tista’ tkun attakkata fil-Qrati. Dawn id-difetti ser joħolqu inġustizzji u l-possibiltà ta’ abbuż. Għandhom ikunu ta’ mistħija għal kull min kellu x’jaqsam magħhom.

L-insistenza tal-PN biex tirriżenja Helena Dalli

Minister-Dalli-Minister-Mallia

 

Il-PN, permezz ta’ Ryan Callus, qed jinsisti li Helena Dalli għandha tirriżenja minħabba xi xogħol mhux kopert bil-permessi tal-bini fi propjeta ta’ Kumpanija ta’ żewġha Patrick, liema kumpanija iżda hi imniżżla fid-dikjarazzjoni tal- assi li Helena Dalli tippreżenta kull sena bħala Ministru.

Dak li qed jgħid Ryan Callus hu irregolarita’. M’hemmx dubju dwaru. Huwa responsabbli għal din l-irregolarita l-Management tal-kumpanija PADA Limited, sakemm il-propjeta’ tibqa’ tagħha. M’hiex xi ħaġa li qed tiġri l-ewwel darba. Sfortunatament hemm diversi li jaġixxu b’dan il-mod. L-ewwel jibnu u mbagħad jippruvaw jiksbu l-permess.

Il-punt iżda hu jekk Helena Dalli għandiex xi responsabilta’ għal dak li ġara. Jiena naħseb li l-Partit Nazzjonalista qed jitqanżaħ ftit mhux ħażin għax ma hemm l-ebda mod kif Helena Dalli setgħet kellha xi influwenza fuq il-każ la b’mod dirett u l-anqas b’mod indirett. Ma tistax u m’għandiex tiġi sfurzata terfa’ responsabbilta’ għal dak li għamel jew m’għamilx żewġha fix-xogħol normali tiegħu.

Ara kieku Helena Dalli kienet Direttur tal-kumpanija PADA Ltd il-każ kien ikun wieħed differenti. Imma imbagħad wara kollox din hi r-raġuni l-għaliex il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri jipprojibixxi lil Ministri u Segretarji Parlamentari milli jkunu diretturi ta’ xi entita’, tkun xi tkun, jew li jagħmlu xogħol ieħor waqt li jkunu qed jaqdu d-doveri Ministerjali tagħhom. B’hekk ikunu distakkati minn inċidenti bħal dawn.

Helena Dalli l-anqas ma għandha responsabbilta’ politika għall-ippjanar fl-użu tal-art. Li kellha responsabbilta’ bħal din il-posizzjoni tagħha kienet tkun waħda diffiċli biex tkun difiża.

Esaġerazzjonijiet bħala dawn da parti tal-Partit Nazzjonalista idgħajfu t-talbiet għal riżenja f’każi serji u ġustifikabbli bħal ma hu dak tal-Ministru Manwel Mallia. Għax ngħiduha kif inhi, f’dan il-pajjiż m’hawnx kultura ta’ riżenja. Il-politiku ma jħossx li għandu jerfa’ responsabbilta’ għall-oqsma li għalihom hu responsabbli. Meta imbagħad jitfaċċa  każ imġebbed u mqanżaħ bħal dan ta’ Helena Dalli,  l-PN ikun qed iwassal il-messaġġ li m’għandux idea x’inhu jgħid inkella li jinteressah biss fil-milage politiku.

Għax għalija hu ċar li fil-każ ta’ PADA Limited ma hemm l-ebda raġuni l-għaliex Helena Dalli għandha tirriżenja. Hemm min għandu jwieġeb, imma m’hiex hi iżda żewgha Patrick u l-MEPA.

F’dan is-sens hu pass tajjeb li l-Opposizzjoni talbet l-uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga l-każ dwar l-Ordni tal-Infurzar u kemm dan ġie jew ma ġiex osservat. Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Opposizzjoni bdiet minn hawn flok qabdet tparla fil-vojt.

Il-MEPA bil-PN fil-Gvern

mepa1

Is-sommarju tar-rapport tat-telfa tal-PN jitkellem dwar il-MEPA li,  jgħidu li tellifithom il-voti.

F’paġna 5 tar-rapport taħt it-titlu Burokrazija żejda u sabutaġġi jgħidu “Madankollu kien hemm uffiċjali li bl-iskuża tal-burokrazija jew saħansitra bħala att ta’ sabutaġġ għamluha diffiċli ħafna biex dawn jinqdew. Fuq quddiem nett kien hemm l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar – il-MEPA – li saret “nightmare” mhux biss għall-kuntratturi iżda wkoll għall-familji.”

F’paġna 7 taħt it-titlu L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħidu “Il-perċezzjoni in ġenerali tan-nies kienet li r-riforma fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar – il-MEPA – mhux biss ma waslitx għar-riżultati mixtieqa iżda saħħet il-perċezzjoni pubblika li din l-awtorità hija mostru burokratiku li ħadd m’għandu kontroll fuqu.”

Ir-realta’ dwar il-MEPA hi li l-PN fil-Gvern ipprova jaġixxi b’mod li la jfuħ u l-anqas jinten. Ried jidher li qed jipprova jikkontrolla l-eċċessi imma fl-istess ħin ried iħalli tieqa minfejn ikun hemm min “jinqeda”.

Il-MEPA fl-aħħar mill-aħħar, minkejja li għamlet ħafna xogħol utli, naqset milli tinforza l-liġi b’mod adegwat. Il-lista twila ta’ każijet li nħarġilhom enforcement order u ma sar xejn iktar dwarhom hi xhieda biżżejjed ta’ dan. X’jibqa’ fik meta lilek joħorġulek ordni biex twaqqa’ imma lil xi żviluppatur tal-qalba jisbulu soluzzjoni. Mhux qed nitkellem fl-ajru u allura ser insemmi eżempju. Tiftakru il-każ ta’ lukanda fil-Marfa?  Meta din twaqqgħet u nbdiet lukanda oħra flokha din il-lukanda l-ġdida ma nbietx biss fuq l-art tal-lukanda l-qadima. Ħadet ukoll art oħra madwarha! Art tal-Gvern.

Il-mod loġiku dwar kif kellhom isiru l-affarijiet kien li kellha tinħareġ u tkun eżegwita ordni ta’ twaqqiegħ tal-lukanda mibnija (in parti) bla permess u fuq art tal-Gvern. Il-Gvern immexxi mill-PN flok ma għamel hekk ħareġ sejħa bl-offerti biex l-art li ittieħdet illegalment isir ħlas għaliha. Wara li ġara hekk, ġie emendat il-permess u lukanda li parti minnha inbniet bla permess u fuq art tal-Gvern issa giet legalizzata! Dakinnhar il-Gvern immexxi mill-PN tilef opportunita’ tad-deheb biex ifisser lil kulħadd l-utilita’ tal-MEPA bħala tarka taċ-ċittadin li iżżomm l-abbużi milli jsiru. Minflok ingħata messaġġ kompletament differenti. Il-messaġġ kien “ħawwad kemm trid, għax tista’ issib mod kif tirranġa.” Wara dan il-każ, il-MEPA kellha saqajha maqtugħin.

Wara każ bħal dan bil-fors li l-perċezzjoni pubblika tkun ħażina. Għax iż-żgħir ġustament jippretendi li la l-MEPA kienet bla snien mal-kbir għandha tkun bla snien miegħu ukoll. Dawn affarijiet li min kiteb ir-rapport tat-telfa l-anqas għandu idea tagħhom! Għax flok fuq ir-realta’ t-team ta’ Ann Fenech ipprefera jillimita ruhu għall-perċezzjoni.

Il-MEPA falliet mhux għax ma ħarġitx il-permessi iżda għax ħarġet wisq minnhom! Mhux għax ma “qdietx” iżda għax qdiet lil min ma kellux dritt li jinqeda!

Tajjeb ukoll li tiftakru li l-MEPA tmexxiet minn Bord li l-membri tiegħu dejjem intagħżlu mill-Gvern. Kollha ħlief wieħed, ir-rapprezentant tal-Opposizzjoni!

Dan il-mostru li ħoloq il-PN. MEPA li ma tħallietx taħdem. Affarijiet li tkellimt u ktibt dwarhom diversi drabi. Missejthom ukoll b’idejja fiż-żmien li kont naħdem fl-uffiċċju tal-Awditur fil-MEPA.

Jidher ċar li t-team ta’ Ann Fenech l-anqas idea ta’ dan ma għandu! Imbasta jitkellmu fuq sabutaġġ u fuq nies li ma inqdewx.

Dan hu kapitlu li l-PN jixtiequ magħluq. Imma ser jibqa’ miftuħ beraħ!

Kuxjenza għajjiena

Il-Ministru tal-Ambjent hu Lawrence Gonzi. Huwa bniedem ta’ kuxjenza. Li jgħarbel, jiżen u jaqta’ skond ma tgħidlu l-kuxjenza.

Dan l-aħħar minħabba l-proposta ta’ JPO fuq id-divorzju il-kuxjenza ta’ Lawrence Gonzi ħadmet bl-overtime. M’hux faċli, ngħiduha kif inhi, li tippjana referendum u taħseb li n-nies ser ikollha l-istess opinjoni tiegħek u jmurlek kollox żmerċ! Gonzipn ippjana li jkollu deċiżjoni kontra d-divorzju mittieħda mir-referendum u spiċċa jkollu jħaddem il-kuxjenza. Issa din għajjiet ftit u allura affarijiet oħra jkolhom jistennew.

Ikollhom jibqgħu jistennew ir-residenti ta’ Triq Tumas Chetcuti  f’Ħ’Attard. Dawn ilhom jissaportu l-barriera magħrufa bħala ta’ Wied Inċita. Qed timliehom bit-trabijiet u l-awtoritajiet ilabalbu biss. Il-kuxjenza tal-Ministru tal-Ambjent jidher  qegħda bil-leave għax għajjiet u issa m’hiex f’posizzjoni li tagħmel xogħolha. Kieku l-kuxjenza m’hiex bil-leave il-Ministru tal-Ambjent Lawrence Gonzi zgur li jitlob spjegazzjoni  għal 7 enforcement  notices mill-MEPA tul is-snin fuq din il-barriera :

ECF 254/94, 522/96, 693/96, 367/98, 546/98, 936/98, 224/02

Dawn l-enforcement notices huma dwar il-barrieri Numri 3 u 12. Il-Barriera numru 3 hi magħrufa bħala ta’ Wied Inċita Attard fil-waqt li l-barriera numru 12 hi fi Triq ir-Rabat Ħaż-Żebbuġ. Dawn iż-żewg barrieri jinfdu u huma tal-istess sidien.

Alternattiva Demokratika dal-għodu indirizzat lill-istampa fuq il-problemi li dawn  iż-żewġ barrieri qed joħolqu lir-residenti. Forsi l-kuxjenza tal-Onorevoli Ministru Lawrence Gonzi tqum mir-raqda. Jew ta’ l-inqas ma tibqax riżervata għad-divorzju biss.     

il-Ministru tal-Ambjent : dak tal-lum u ta’ qablu