Il-PN jgħatti x-xemx bl-għarbiel ?

Voting Rationalisation YES

(nota : ir-ritratt hu estratt mill-minuti tal-Parlament li juri l-ismijiet tal-Membri Parlamentari li vvutaw favur l-estensjoni tal-limiti tal-iżvilupp, rationalisation, fl-2006 ) 

 

Il-Partit Nazzjonalista ippubblika l-proposti tiegħu dwar l-ambjent fi ktejjeb intitolat  : A Better Quality of Life for You.  Dan hu bla dubju pass ‘il quddiem, kienu x’kienu r-raġunijiet li wassluh għal dan il-pass.

Fid-daħla għad-dokument ippubblikat, il-Kap tal-Opposizzjoni jagħmel dikjarazzjoni importanti. Jgħid: “Bnejna l-istituzzjonijiet u b’mod ġenerali fassalna politika tajba – imma bosta drabi ma assigurajniex li din tkun implimentata, inkella qgħadna nduru mal-lewża u ħloqna wisq eċċezzjonijiet.”

Dan, fil-fehma tiegħi ifisser, li, wara kollox,  hu ċar għal kulħadd li mhux biss hu meħtieġ li tfassal il-politika t-tajba, imma li huwa essenzjali ukoll li l-istituzzjonijiet li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ din il-politika jkunu f’posizzjoni li jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. Għax kif jistgħu jiffunzjonaw dawn l-istituzzjonijiet jekk f’posizzjonijiet ta’ tmexxija kruċjali jkollhom persuni partiġjani jew persuni ta’ fiduċja tal-Ministru, flok persuni mħarrġa u teknikament kompetenti?

Wara kollox, it-twettieq tal-politika ambjentali jiddependi fuq tmexxija tajba (good governance) li ilha nieqsa mill-istituzzjonijiet għal perjodu mhux żgħir.

X’jiswa’ li jkollok il-politika tajba dwar l-ippjanar għall-użu tal-art biex imbagħad il-Gvern immexxi mill-PN iċedi għall-pressjoni tal-spekulaturi tal-art meta mexxa ‘l quddiem proposta imsejħa skema dwar ir-razzjonalizzazzjoni li permezz tagħha l-limiti tal-iżvilupp ġew estiżi b’mod orizzontali?  Biex tkompli tgħaqqadha, fl-istess ħin, il-PN fil-Gvern estenda ukoll il-limiti tal-iżvilupp f’direzzjoni vertikali. Bħala riżultat ta’ dan, il-PN fil-Gvern injora l-poltika dikjarat tiegħu kif ukoll l-informazzjoni miġbura fid-diversi ċensimenti li kienu juru ċar li l-bini vojt kien qed jiżdied.

Il-politika ambjentali hi intrinsikament marbuta ma diversi oqsma oħra. L-estensjonijiet bl-addoċċ għal-limiti ta’ żvilupp ħolqu ħafna diffikultajiet lil diversi residenti Maltin li jridu jiġġeneraw l-enerġija alternattiva permezz tal-pannelli foto-voltajċi fuq il-bjut. Waqt li l-Ministru responsabbli mill-politika dwar l-enerġija alternattiva kien qed ifittex li jħajjar lin-nies biex jistallaw il-pannelli foto-voltajċi, min-naħa l-oħra l-Ministru għall-Ippjanar tal-Użu tal-Art kien mehdi jilgħab bl-għoli permissibli tal-bini f’diversi lokalitajiet. Kif nistgħu nippjanaw sewwa għal ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva jekk l-aċċess għax-xemx f’diversi lokalitajiet m’huwiex garantit b’għoli permissibli ta’ bini li ma jinbidilx?

Nitkellmu ukoll dwar il-ħtieġa li nassiguraw titjib fil-kwalitá tal-arja, imma fl-istess ħin ma hemm l-ebda ħeġġa biex ikun indirizzat in-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna li qed jikber b’mod astronomiku. Dawn il-karozzi huma l-kawża ewlenija ta’ kwalitá tal-arja li sejra dejjem għall-agħar, f’uħud mil-lokalitajiet tagħna. Minflok ma nindirizzaw din il-problema reali, gvern wara l-ieħor ipprefera li jagħmilha iktar faċli biex il-karozzi jibqgħu jiddominaw it-toroq tagħna u dan billi jroxxu l-miljuni fi proġetti infrastrutturali għal toroq mhux meħtieġa. Dawn il-proġetti jservu biss biex iżidu l-karozzi fit-toroq, meta l-oġġettiv ta’ gvern serju għandu jkun l-oppost: li dawn jonqsu.

Marbuta ma dan kollu hemm in-nuqqas ta’ attenzjoni lit-trasport pubbliku tul is-snin. Filwaqt li għandna nirrikonoxxu li matul dawn l-aħħar sitta u tletin xahar kien hemm titjib fis-servizz, dan xorta għadu ferm ‘il bogħod minn dak mistenni f’pajjiż żgħir fejn id-distanzi bejn il-lokalitajiet huma minimi. Dan ukoll kien falliment ieħor fit-twettiq ta’ “politika tajba”.

Il-politika ambjentali hi dwar għażliet u deċiżjonijiet. Tul is-snin Alternattiva Demokratika, il-partit ekoloġiku f’Malta, fittex li jqiegħed dawn l-għażliet fuq l-agenda nazzjonali biex il-Maltin ikun f’posizzjoni li jiddeċiedu.

Wara ħafna snin, il-Partit Nazzjonalista stenbaħ għar-realtá ambjentali ta’ madwarna. Waqt li dan, minnu innifsu hu sinjal tajjeb, nistennew li l-PN  jibda l-proċess biex jirrevedi l-bqija tal-politika tiegħu u jġibha konsistenti mal-proposti ambjentali mħabbra. Meta dan iseħħ, forsi nkunu f’posizzjoni li niffurmaw opinjoni dwar jekk il-proposti ambjentali tal-PN humiex frott ta’ konvinzjoni inkella jekk għal darba oħra humiex jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel.

ippubblikat fuq Illum : 5 ta’ Frar 2017

L-amnestija hi insult għalina lkoll

552.26

L-amnestija imħabbra l-ġimgħa l-oħra mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u l-Awtorità tal-Ippjanar hu insult goff lill-poplu Malti. Għax bl-amnestija ser ikun possibli li binjiet illegali jitnaddfu mill-illegalità tagħhom u jingħataw permess ta’ żvilupp.

Din l-amnestija mhiex limitata għal irregolaritajiet żgħar fil-bini. Li kienet hekk wieħed kien jifhem. Hi amnestija miftuħa għal kull irregolarità sakemm din l-irregolarità tkun fiż-żona tal-iżvilupp kif ukoll sakemm din ma tkunx ta’ ħsara lil terzi jew lil madwar (imsejħa injury to amenity). Ir-regolamenti ppubblikati ma jeskludux irregolaritajiet fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana jew irregolaritajiet li jkunu saru f’bini skedat. Jiġifieri anke dwar dawn l-irregolaritajiet jista’ jinħareġ permess ta’ żvilupp!

Hemm ukoll element ta’ segretezza konness mal-applikazzjonijiet għal amnestija. Dan ser jagħmel l-iskrutinju pubbliku iktar diffiċli. L-anqas ma jissemma d-dritt tal-oggezzjoni li (skond il-liġi) jista’ jsir minn terzi.

Din l-amnestija hi insult lil min għażel li jimxi sewwa u josserva l-liġi u jimxi mal-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp. Din mhiex l-ewwel amnestija li ngħatat u minkejja dak kollu li qed jingħad l-anqas ma hi ser tkun l-aħħar waħda.

L-amnestija qed tingħata minħabba l-kwantità ta’ irregolaritajiet fil-bini fil-pajjiż kif rifless fin-numru kbir ta’ ordnijiet ta’ infurzar li baqgħu pendenti tul is-snin. Numru li kompla jikber, sena wara l-oħra, għax l-awtoritajiet ma kienux kapaċi li jinfurzaw il-liġi quddiem min kien lest li jisfida. Mela issa min sfida u għamel ta’ rasu qed jgħidulu: issa ħallas multa u qiesu qatt ma kien xejn!

L-amnestija qed tippremja lil min abbuża u fl-istess ħin qed tikkastiga lil min mexa sewwa. Hi fuq kollox dikjarazzjoni ta’ falliment fl-amministrazzjoni pubblika.

Ir-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti li permezz tagħhom qed tiddaħħal l-amnestija fihom ħafna difetti, fil-fehma tiegħi probabbilment intenzjonati. Difetti li jikkontrastaw ma dak li tipprovdi l-liġi prinċipali. Minħabba dawn id-difetti, l-validità legali ta’ dawn ir-regolamenti tista’ tkun attakkata fil-Qrati. Dawn id-difetti ser joħolqu inġustizzji u l-possibiltà ta’ abbuż. Għandhom ikunu ta’ mistħija għal kull min kellu x’jaqsam magħhom.