Id-drenaġġ ifur fil-Kalkara

kalkara

rinella20bay201 

Qabel xejn : għal min ma jafx niddikjara interess fuq is-suġġett tal-lum. Jiena noqgħod il-Kalkara u ilni noqgħod hawn għal dawn l-aħħar tlettax-il sena. 

Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara wissa’ lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li ma jistax jibqa’ jissaporti d-drenaġġ ħiereġ fit-triq kull meta tagħmel ix-xita. Ara ir-rapporti fit-Times u l-Independent .

Issa l-Korporazzjoni hi responsabbli għas-sistema tad-drenaġġ għax minn xi snin ilu lil hawn id-Dipartiment tad-Drenaġġ ġie assorbit fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Li qed jiġri meta jfur id-drenaġġ fil-Kalkara (kif ukoll f’postijiet oħra), kif spjegajt iktar kmieni din il-ġimgħa hu li hemm numru ta’ binjiet illi m’għandhomx bir kif jirrikjedu r-regolamenti sanitarji. Minflok ma jinġabar fil-bir (li ma jeżistix) l-ilma tax-xita jispiċċa fit-triq jew fid-drenaġġ.

Meta s-sistema tad-drenaġġ ma tlaħħaqx tfur. Fil-każ tal-Kalkara id-drenaġġ ifur Ix-Xatt fejn għal siegħat twal wara li tkun waqfet ix-xita inkunu għadna b’riħa ta’ drenaġġ.

Issa l-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma għandha responsabbilta dwar dak li qed jiġri għax l-uffiċjali tagħha jawtorizzaw kull kaz ta’ komunikazzjoni ġdida mas-sistema. Fil-fehma tiegħi jonqsu meta jawtorizzaw li komunikazzjoni ġdida sseħħ jekk qabel ma jkunux ivverifikaw li teżisti sistema separata għall-ilma tax-xita.

Pero r-responsabbilta’ mhiex biss tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Hemm ukoll il-MEPA li minkejja li l-kostruzzjoni ta’ bir għall-ilma tax-xita hi wahda mill-kundizzjonijiet fil-permessi tal-bini dan ma tiverifikax li jkun sar qabel ma toħroġ ċertifkat li l-iżvilupp sar skond  il-permess. Li kieku l-MEPA tagħmel il-verifiki neċessarji postijiet bla bir ma jkunux jistghu jiġu użati għax ma jkunux jistgħu jingħataw is-servizz tal-elettriku u l-ilma mingħajr iċ-ċertifikat tal-MEPA (il-compliance certificate).

Hemm ukoll l-awtoritajiet sanitarji (Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) li għandu ukoll l-obbligu permezz tal-Ispetturi Sanitarji li jagħmel il-verifiki. Kull tant professjonalment niltaqa’ ma xi spettur sanitarju jagħmel verifiki ġeneralment wara xi rapport li jkun sar jew minħabba xi tilwima bejn ġirien. Mill-bqija l-ebda verifika waqt li jkun għaddej il-bini biex ikun stabilit li x-xogħol qiegħed isir sewwa.

Il-ħażina u l-ħarsien tal-ilma tax-xita huwa wieħed minn dawk l-oqsma li fih tirrenja l-liġi tal-ġungla f’Malta. Kulħadd jagħmel li jrid u li jogħġbu. Billi l-parti l-kbira tal-bini ġdid illum huwa fil-forma ta’ flats jew maisonettes dawn ġeneralment jinbnew biex jinbiegħu. Min jibnihom ikun irid jonfoq l-inqas biex jaqla’ l-iktar. L-amministrazzjoni pubblika billi ma tivverifika kważi xejn f’dan ukoll saret qaddejja tal-ispekulatur. Hu jonfoq inqas u wara l-kaxxa ta’ Malta terfa’ l-ispejjes minħabba l-problemi li jinqalgħu.

Issa x’ser jigri? Qiesu ma gara xejn ? Id-drenaġġ fil-Kalkara (u f’postijiet ohra) mhux din il-ġimgħa far l-ewwel darba. Ilu s-snin. 

Il-Kalkara tifforma parti minn Distrett Elettorali li minnu jiġi elett il-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-Parlament.

Il-Prim Ministru għandu r-responsabbilta politika li jara li l-amministrazzjoni pubblika tkun ta’ servizz lill-pajjiż. Jista’ (jekk irid) jdur fuq il-Ministru responsabbli għall-MEPA (hu stess), jdur ukoll fuq il-Ministru responsabbli għas-Saħħa (John Dalli) u fuq il-Ministru responsabbli għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (Austin Gatt) u jitlohom jagħtu spjegazzjoni il-għaliex l-awtoritajiet li minnhom huma responsabbli mhumiex jaqdu dmirhom. Forsi ma tafx kif dawn it-tlett Ministri jiċċaqalqu u jaraw li dawk li jitħallsu mit-taxxi jerfgħu r-responabbiltajiet tagħhom.

Forsi l-Gvern ma jibqax jagħtina servizz tal-qamel.

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s