60% tal-ilma li nikkunsmaw jiġi mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Biex l-ilma baħar isir tajjeb għax-xorb jeħtieġ l-użu ta’ kwantita’ mhux żgħira ta’ elettriku. Il-bqija, l-40% l-oħra jiġi mill-ilma tal-pjan (watertable).
Issa l-ilma tal-pjan, minħabba li qed jittella minnu kwantita’ kbira, qed iżid fis-salinita, u hemm possibilta li f’data mhux il-bogħod ikun inqas possibli li jintuża għall-konsum. Għalhekk kien f’loku li l-MRA fl-aħħar bdiet il-proċess li tikkontrolla x’qiegħed jiġi imtella mill-boreholes.
Dan ifisser li illum huwa meħtieġ iktar minn qatt qabel li jkollna pjan strateġiku dwar l-ilma f’pajjiżna. Pjan li jħares lejn is-sorsi kollha tal-ilma li għandna bħala pajjiż u kif jista’ jsir l-aħjar użu minnu.
L-ilma tax-xita (stormwater) fi pjan bħal dan huwa importanti. Kif qalu bosta l-importanza ta’ dan l-ilma mhiex biss waħda posittiva, bħala riżors li nistgħu nagħmlu użu minnu. Hemm ukoll aspett negattiv : dak assoċjat mal-għargħar, bil-ħsara, perikli u inkonvenjent mhux żgħir li dan iġib miegħu.
Issa f’Malta għandna regolamenti tal-bini li jistabilixxu obbligu ta’ kostruzzjoni ta’ bjar għall-ilma tax-xita. Dan iservi biex kull binja (jiġifieri mhux id-djar biss) jkollha ħazna ta’ ilma tax-xita skond id-daqs tagħha.
Issa f’numru mhux żgħir ta’ bini, dawn il-bjar ma sarux. Dan l-ilma tax-xita (ta’ dawn il-binjiet bla bir) qed isib ruħu fit-triq jew fid-drenaġġ.
L-ilma li flok fil-bir jinxteħet fit-triq qed jikkontribwixxi għall-għargħar b’mod partikolari f’dawk l-inħawi li fihom matul is-snin kien hemm bini konsiderevoli.
Min-naħa l-oħra l-ilma li flok fil-bir qed jintefa’ fid-drenaġġ qed joħloq żewġ problemi : qed jgħabbi s-sistema tad-drenaġġ b’piż li ma tiflaħ u dan bil-konsegwenza li f’ċerti partijiet ta’ Malta meta tagħmel ix-xita d-drenaġġ qiegħed ifur. Imma hemm ukoll l-effett li dan l-ilma ser jispiċċa jgħabbi l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ ukoll u per konsegwenza tintuża kwantita’ ta’ enerġija elettrika għat-tisfija ta’ drenaġġ żejjed ! Spiża li tista’ tkun faċilment evitata.
Qiegħed jingħad li wieħed mill-proġetti li ser ikunu iffinanzjati mill-EU ser jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ mini taħt l-art biex fihom jinġabar l-ilma tax-xita fit-toroq u b’hekk jonqos l-effett tal-għargħar kif ukoll jingħata nifs l-ilma tal-pjan.
Fuq il-karta dan hu proġett tajjeb.
L-unika ħaġa li għandha ma ġiet spjegata hi kif ilma ikkontaminat bid-drenaġġ jista’ qatt ikun ikkunsidrat biex jitħallat mal-ilma tal-pjan!
Għadu ukoll ma ġie spjegat lil ħadd kif u meta dawk li għandhom binjiet mingħajr bjar ser jintalbu jaraw li jkollhom bir biex tonqos il-pressjoni tal-ilma tax-xita fuq is-servizzi pubbliċi.
In-nies dan jinteresshom għax jekk min għandu l-obbligu li jkollu bir jibqa’ mingħajru, il-piż tal-ħażna tal-ilma nibqgħu nerfgħuh int u jien bi spejjes ikbar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u kontijiet għola għal Karmenu, Fausto, Ġużeppi u Franklin !