Kont nistenna li jkun hemm min jipprova jirredikola l-artiklu tiegħi tal-Ħadd dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li fih għidt li (avolja l-possibilità kienet waħda remota) l-argument ġeopolitiku ma għandux ikun skartat. Nifhem li għal uħud dan jista’ jkun li ftit li xejn jagħmel sens. Dan hu dejjem possibli li hu hekk.
Imma dawn huma affarijiet li mhux l-ewwel darba li ġraw fil-passat u l-provi dwarhom, meta jseħħu, mhux ser ikunu ovvji, anzi jkunu moħbija għal żmien twil.
Kif inhu xieraq, s’issa, ftit li xejn hemm informazzjoni dwar il-linja investigattiva li miexja fuqha l-Pulizija ħlief li qed jiflu l-kitbiet ta’ DCG b’mod dettaljat biex jassiguraw ruħhom li eżaminaw il-possibilitajiet kollha li wieħed jista’ jkun jaf dwarhom. Issemma ukoll tlajjar ta’ karozza fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ il-qtil kif ukoll il-possibilità ta’ fdalijiet ta’ sigaretti li jistgħu jwasslu għal informazzjoni li tista’ tkun ta’ għajnuna mhux ftit fl-investigazzjonijiet.
Jibqa’ l-fatt li l-impatt fuq is-soċjetà Maltija m’huwiex wieħed biss ta’ rabja għal dak li ġara imma ukoll hu wieħed ta’ żieda qawwija ta’ rabja lejn l-istituzzjonijiet. Hu impatt fuq soċjetà maqsuma u li ddur fuqha innifisha jekk tkun imkesksa biżżejjed.
Sakemm il-Pulizija tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha dak kollu li qiegħed jintqal jibqa’ biss possibiltajiet, uħud possibli oħrajn remoti jew remoti ħafna. Akkosta li uħud mill-possibilitajiet jibqgħu remoti ħafna, anke forsi għal uħud ftit imġebbdin, mhu l-mument li neskludu xejn.
Jiena stajt poġġejt il-kliem b’mod differenti. Stajt per eżempju staqsejt dwar liema kienet l-ikbar ħrafa: jekk hux li jingħad li l-qtil kien wieħed politiku inkella jekk kienx hemm l-id ta’ xi pajjiż barrani. Ippreferejt nagħti raġuni. Anke jekk il-possibilita hi remota r-raġunijiet qegħdin hemm u m’humiex ser jisparixxu.