Min hu ikbar mill-partit?

 

Bħalissa spiss qed nisimgħu min jgħidilna li ħadd m’hu ikbar mill-partit.

Dan il-kliem qed jingħad bl-iskop li jkun ġustifikat li dawk illi jsegwu u jappoġġaw partit politiku għandhom jbaxxu rashom meta t-tmexxija tal-partit tieħu deċiżjoni. Għax il-partit tkellem. Mela tbaxxi rasek.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu b’mod demokratiku għandhom ikun rispettati u implimentati. Imma anke hawn hemm l-obbligu li nirrispettaw lil min hu f’minoranza, irrispettivament kemm din tkun żgħira jew kbira.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu b’mod unanimu nibża’ minnhom, għax mhiex xi ħaġa rari li l-unanimità tkun faċċata li warajha jistaħbew ħafna affarijiet.

L-ebda partit politiku m’hu omoġenju u f’kull deċiżjoni li tittieħed ikun hemm min jaħsibha differenti u xi drabi dan mhux sempliċiment fuq id-dettall. Dan ma jitlobx biss tolleranza iżda ħafna drabi koeżistenza ta’ ideat li jikkuntrastaw. Dan mhux dejjem faċli, imma ċertament li hu possibli. Hekk jiġri f’soċjetà verament demokratika.

Ovvjament l-ebda partit politiku ma jista’ jiffunzjona jekk fuq l-ideat fundamentali li jirrappreżenta ma jkunx hemm qbil dwarhom fost dawk li jappoġġawh. Imma lil hinn mill-prinċipji fundamentali li partit politiku jirrappreżenta hemm lok għal ideat li jikkuntrastaw.

F’dan is-sens partit politiku hu ġabra ta’ ideat, kultant differenti, kultant kuntrastanti: ħafna drabi ftit, imma xi drabi kuntrastanti ħafna. Partit politiku hu kbir skond kemm hu kapaċi jirrispetta l-ideat differenti fi ħdanu. Għax ħafna drabi hi din id-differenza ta’ ideat, kultant dettall, imma xi drabi iktar minn hekk ukoll, li toħolq dibattitu fil-partiti politiċi liema dibattitu jwassal għal żviluppi interessanti fil-ħsieb politiku.

Il-partit politiku, għaldaqstant, jirrappreżenta lid-diversità ta’ ħsieb fi ħdanu fit-totalità tiegħu. Jagħmel żball partit politiku li joħnoq il-vuċijiet differenti fi ħdanu. Dawn dejjem qegħdin hemm: kultant jinstemgħu ħafna u drabi oħra kemm kemm jinstemgħu: skond l-importanza tad-differenzi. Imma dejjem hemm qegħdin.

Ma hemm l-ebda mertu li tirrispetta lil min jaqbel miegħek: m’għandek ħtieġa ta’ l-ebda sforz biex tagħmel dan. Il-mertu, u l-isforz, qiegħed biex tirrispetta lil min ma jaqbilx miegħek. Naċċetta li mhux dejjem faċli. Imma dan mhux biss hu possibli imma hu essenzjali.

Partit politiku li mhux kapaċi jirrispetta d-dissens fi ħdanu ma jistax jispira fiduċja. Għax jekk m’intix kapaċi tirrispetta lil min hu ħdejk u ma jaqbilx għal kollox miegħek, kif tippretendi li titwemmen meta tgħid li qed tiftaħ il-bibien għal min qiegħed barra? Tkun qed tissogra li flok il-bieb miftuħ iservi biex jidħlu minnu, jispiċċa jkun il-punt tal-ħruġ!

Mhux għaldaqstant kaz ta’ min hu ikbar jew iżgħar mill-partit imma ta’ kemm aħna kapaċi nirrispettaw lil xulxin b’mod partikolari meta ma naqblux.

Min jipprova jagħlaq id-diskussjoni billi jgħid li ħadd m’hu ikbar mill-partit qed jibgħat messaġġ wieħed: li jirrispettak biss sakemm taqbel miegħu.

Din xi triq ġdida hi?