Konferenza Kostituzzjonali flok ippuntar tas-swaba’ lejn xulxin

 

Dal-għodu, fil-Belt Valletta quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir ta’ Sciortino, li inbidel f’mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia indirizzajt konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar il-klima negattiva li ħakmet lill-pajjiż wara l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia. Ilkoll nifhmu u napprezzaw li hu naturali li l-pajjiż kollu jixxokkja ruħu u jkun irrabjat. Imma huwa neċessarju ukoll li nifhmu li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jinfena bi tfiegħ ta’ tajn u akkużi minn tribujiet politiċi mehdijin li jisparaw lil xulxin qisu mhemmx għada.

Din il-klima politika qed twassal għal ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta, u iktar minn hekk, l-imminar ta’ istituzzjonijiet li diġa` huma dgħajfa ħafna. 

F’dan il-kuntest, Alternattiva Demokratika tħoss li l-pajjiż għandu żewġ prijoritajiet importanti quddiemu. L-ewwel li min wettaq dan l-att atroċi u viljakk jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja mill-iktar fis. It-tieni prijorita` hija li b’mod immedjat, jitnieda tentattiv serju biex titfassal riforma kostituzzjonali mill-qiegħ li twassal għat-tisħieħ tabilħaqq tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. 

Kif irrimarkat tant tajjeb Rosi Bindi, ċ-ċhairperson tal-Kumitat Parlamentari antiMafja Taljana, Malta għandha taħdem biex tagħlaq ix-xquq fl-operat tal-istituzzjonijiet tagħha biex il-kriminalita` organizzata ma jkollhiex l-ispazji biex topera.

Hemm bżonn li nibdew inħarsu ‘l quddiem flok neħlu fl-ippuntar tas-subajn li mhu qed iwassalna mkien.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Alternattiva Demokratika thoss li wasal iz-zmien propizju biex flaħħar tiġi varata l-Konvenzjoni Kostituzzjonali li ilha mwieghda s-snin u dan biex tlaqqa flimkien il-partijiet konċernati kollha, u mhux biss il-partiti rappreżentati fil-Parlament.

Alternattiva Demokratika se tagħmel kuntatt mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppozizzjoni, fost oħrajn, biex titlob li l-proċess jinbeda mill-iktar fis. Dan se tibqa’ tinsisti fuqu fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin u mhux se tistrieh qabel dan il-proċess ta’ mportanza Nazzjonali fl-aħħar jingħata bidu. 

Advertisements