Michael Briguglio: kollox bil-maqlub!

 

Fuq Lovinmalta.com il-bieraħ u l-Independent illum kien rappurtat li Michael Briguglio qal hekk:
“I joined PN as I believed in Simon Busuttil’s struggle for good governance which AD did not support.”

Michael Briguglio ried li Alternattiva Demokratika tissieħeb fl-alleanza mal-PN irrispettivament mill-konsegwenzi. Kien ilu żmien konsiderevoli jagħmel pressjoni f’dan is-sens fuq il-predeċessur tiegħi Arnold Cassola. U Arnold b’mod ġentili kien joqgħod jieħu paċenzja jisimgħu anke meta kien “jinfurmah” li kien ilu żmien jiltaqa’ waħdu “jiddiskuti” fuq din l-imbierka koalizzjoni ma’ Simon Busuttil. U anke kien ftaħar li Busuttil wegħdu bosta affarijiet (qatt ma qal x’kienu) imma hu, qal, qatt ma aċċetta xejn.

Kif għidt diversi drabi, Alternattiva Demokratika ma waslitx għal ftehim mal-PN mhux biss għax il-PN ma riedx koalizzjoni suriet in-nies, imma ukoll għax ma kienx kredibbli.

Meta ltqajna mad-delegazzjoni tal-PN ġbidnielhom l-attenzjoni għal numru ta’ inkonsistenzi serji fl-imġieba tal-PN. Inkonsistenzi li lilna f’Alternattiva Demokratika kienu jdejjquna u li dwarhom konna diġa tkellimna pubblikament diversi drabi. Għax ma tistax tipprietka l-governanza tajba u fl-istess ħin meta uħud mill-għola persuni fil-PN ikun responsabbli ta’ imġieba mhux aċċettabbli, qiesu ma ġara xejn: il-kaz ta’ Beppe Fenech Adami u l-Capital One Investment Group, Mario de Marco u l-Grupp db, Simon Busuttil u l-invoices foloz tal-grupp db u Claudio Grech li ma jiftakarx jekk qatt iltaqax ma’ George Farrugia taz-zejt. Biex ma nsemmix ukoll lil Toni Bezzina li waqt li kien qed jikteb il-policy tal-PN dwar l-ambjent (ODZ hu ODZ) applika għal villa ODZ għalih, imma l-applikazzjoni kienet fuq isem il-mara! U qiesu ma ġara xejn!

Michael Briguglio għandu kull dritt li jqies dan kollu bħala insinifikanti. Imma ma jistax imbagħad fl-istess nifs jgħid li hu favur il-governanza tajba u jkun kredibbli.

Dan il-wiċċ b’ieħor jiena ma nistax għalih.

Michael Briguglio, kollox bil-maqlub!

Id-dmugħ tal-kukkudrill u l-qtil ta’ Daphne

Inkitbu numru kbir ta’ artikli dwar il-qtil ta’ Daphne nhar it-Tnejn li għadda, meta l-karozza li kienet qed issuq ġiet sploduta f’elf biċċa. Tfasslu bosta tejoriji dwar l-identità u l-motiv ta’ dawk li ppjanaw u/jew esegwew dan il-qtil. Mhux ħa nżid mal-ispekulazzjoni.

Bħal bosta oħrajn, tul is-snin jiena ukoll kelli l-possibiltà li nsegwi l-kitbiet tagħha. Bosta minnhom sibthom mill-iktar informattivi. Il-kapaċitajiet investigattivi tagħha kienu fost l-aqwa fil-ġurnaliżmu Malti. L-argumenti tagħha kienu dejjem qawwija, għalkemm il-preġudizzji tagħha dejjem kienu ċari. Kienet kapaċi talterna bejn artikli investigattivi ta’ l-għola livell ma oħrajn li jivvilifikaw lil dawk fil-mira tagħha.

L-opinjonijiet politiċi tagħha kienu dejjem ċari u hi dejjem mexxiethom ‘il quddiem b’qawwa kbira. Sa’ Ġunju 2017 injorat il-parti l-kbira tad-dnubiet tal-PN u iffukat bla ħniena fuq dawk tal-PL. Wara Ġunju 2017, kif kien jixirqilhom, poġġiethom flimkien f’qoffa waħda u b’hekk tat iktar kredibilità lil min jgħid li m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL.

Dwar Alternattiva Demokratika kitbet bosta drabi: kritika f’mumenti delikati fejn il-posizzjoni politika ta’ AD kienet f’kuntrast ma dik tal-PN. Drabi oħra, meta dehrilha, għamlet użu mill-fehmiet ta’ Alternattiva Demokratika kif kien jaqbel biex issaħħaħ l-argumenti tagħha.

Il-qtil tagħha hu daqqa ta’ ħarta għal-libertà tal-espressjoni f’Malta.

Kien hemm bosta opportunitajiet oħra fejn kien hemm min jipprova jagħlqiha ħalqa permezz ta’ numru esaġerat ta’ kawżi ta’ libel. Reċentement sar attentat biex permezz ta’ mekkaniżmu legali eżistenti ġew iffriżati l-kontijiet bankarji tagħha bħala garanzija għad-danni li kienu qed jintalbu. Sfortunatament il-Qrati ma irrealizzawx in-natura reali ta’ din l-azzjoni intimidatorja. L-impatt ta’ din l-azzjoni kien imxejjen biss wara li irnexxiet l-inizzjattiva ta’ crowd funding organizzata minn David Thake. B’hekk l-azzjoni intimidatorja tal-Ministru Cardona u l-konsulenti legali tiegħu kważi sfatt fix-xejn.

Adrian Delia, l-Kap tal-Opposizzjoni, li ukoll kien taħt il-lenti tagħha għal dawn l-aħħar erba’ xhur, kif jidher minn l-aħħar diskors tiegħu, qed ifittex x’vantaġġ politiku jista’ jakkwista l-partit tiegħu minn dan il-qtil. Jidher li jixtieq li ninsew li hu ukoll ta kontibut biex inġemgħu t-turrun libelli fil-konfront tagħha. Li iritirhom iktar kmieni din il-ġimgħa mhu xejn għajr ipokrezija grassa.

Dan hu essenzjalment dak li hemm mistoħbi wara t-tixrid tad-dmugħ tal-kukkudrilli ta’ uħud minn dawk li qed jgħidu li huma maħsudin b’dan il-qtil.

Il-Pulizija bdew l-investigazzjonijiet tagħhom. It-talba li saret għall-għajnuna ta’ esperti barranin hi utli għax tista’ tkun l-assigurazzjoni meħtieġa biex kull indikazzjoni tkun esplorata u investigata. Imma l-investigazzjoni għal ftit ma bdietx bil-banda għax il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera damet ma ndunat li hemm ma kienx postha. Il-fatt li damet is-siegħat biex irrealizzat dan juri li uħud mill-membri tal-ġudikatura għad għandhom ħafna x’jitgħallmu.

Il-presenza tal-Maġistrat Scerri Herrera fil-Bidnija ħasdet lil kulħadd hekk kif waslet. Ftit wara l-ħasda kibret minħabba l-kummenti fuq Facebook ta’ surgent mit-tim investigattiv tal-Pulizja li ried jiċċelebra l-avvenimenti li kien qed jara. Il-fatt li ġie sospiż u ser jgħaddi passi dixxiplinari mhux biżżejjed. Għad hemm ħtieġa ta’ spjegazzjoni mingħand il-Kummissarju tal-Pulizja dwar il-għala xi membri tal-Korp għadhom ma rrealizzawx li l-presenza tagħhom fuq il-media soċjali hi ta’ ħsara għall-kredibilità u l-imparzjalità tagħhom u tal-Korp tal-Pulizija kollu.

Imma mid-dehra mhux is-surġent tal-Pulizija biss ħass li kellu bżonn jiċċelebra nhar it-Tnejn waranofsinnhar. X’ser jgħidulna dwar il-carcades li saru, anke jekk kienu ftit? Min ser jassumi r-responsabbiltà għalihom?

Il-Prim Ministru hu anzjuż biex il-każ jissolva malajr kemm jista’ jkun. Ilkoll għandna l-istess xewqa u iktar ma dan iseħħ malajr, aħjar għal kulħadd. Imma, meta l-każ jingħalaq ikun il-waqt li nstaqsu jekk dan kollu setax ikun evitat. Għax bla dubju seta kien evitat.

 

 

 

ippubblikat f’Illum – 22 t’Ottubru 2017