Manuel Delia u l-faxxisti kkastrati

 

Jiena u diversi minn sħabi f’Alternattiva Demokratika morna għad-dimostrazzjoni ta’ nhar il-Ħadd. Morna mhux għax kellna fiduċja li l-organizzaturi kienu ser iżommu ma dak li qalu: jiġifieri li joqgħodu l-bogħod mill-politika tal-partiti. Morna għax l-iskop tad-dimostrazzjoni kien superjuri għal kull argument li seta jkollna fil-konfront ta’ min organizza d-dimostrazzjoni u l-inkapaċità tagħhom li jimxu sewwa.

Morna u qagħdna lura, kif xtaqu l-organizzaturi. Imma mbagħad kif mistenni l-organizzaturi ħarġu ta’ tfal għax fost il-kelliema kellhom tnejn min-nies assoċjati direttament mal-PN. Wieħed minnhom, Manuel Delia, issa qiegħed jinfexx jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu u qiegħed jinsulenta. Ovvjament dan jagħmlu fi spirtu tar-rispett li għandu għall-fehmiet differenti li kien hemm fi Triq ir-Repubblika l-Belt nhar il-Ħadd.

Fost il-kumplimenti tiegħu insibu dan: “Mark Camilleri, Timothy Alden, Andre Callus, Alex Vella Gera and the rest of you pseudo-intellectual auto-castrated closet fascists with 100% cotton souvenir Che t-shirts still lovingly wrapped in plastic: buzz off, won’t you?”

Din id-darba ġejna għad-dimostrazzjoni għax tajnihom il-benefiċċju tad-dubju kif ukoll għax id-difiża tal-liberta tal-espressjoni tissaporti ħafna, inkluż il-pwerilità ta’ min messu jaf aħjar. Dan għamilnieh minkejja li konna konvinti li l-organizzaturi m’humiex ta’ kelmthom.

X’nagħmlu darba oħra ma nafx. Bħalna hemm ħafna oħrajn.