It-Tieqa tad-Dwejra tkellimna

Il-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra tagħtina messaġġ wieħed u ċar. Messaġġ li ilu magħna, għalkemm bosta ma jagħtux kasu għax ma jaqblilhomx.

Man-natura ma hemmx ċajt. Din tagħmel ta rasha, dejjem.

Ftit li xejn seta sar biex it-tieqa tkun ippriservata għax dak li kien qed iseħħ hu riżultat tal-forzi naturali.

Imma ma jistax jingħad l-istess dwar il-bidla tal-klima. Din hi fil-parti l-kbira tagħha prodott tal-ħidma tagħna l-bnedmin. L-istudji kollha juru li s-sitwazzjoni qegħda tmur dejjem għall-agħar.

L-impatt fuq il-klima nħossuh kuljum. Il-frekwenza tal-estremi ta temp qed jiżdiedu: żdiedu l-perjodi ta nixfa fix-xitwa u xita fis-sajf.

L-impatti fuq in-natura bl-emmissjonijiet kemm minn impjanti industrijali kif ukoll minn mezzi differenti ta transport issa ilhom jakkumulaw is-snin. Qed naraw bgħajnejna l-effetti li kull ma jmur qegħdin jiżdiedu.

L-istudji juru li qed noqorbu lejn sitwazzjoni ta irriversabilitá. Jiġifieri sitwazzjoni fejn ma nkunux nistgħu nreġġu lura l-impatti u l-ħsara akkumulata.

Imbagħad ikun inutli neqirdu dwar dak li ġara għax kuntrarjament għal dak li ġara lit-Tieqa tad-Dwejra, inkunu ġibnieh bidejna. Dan hu l-messaġġ tat-Tieqa tad-Dwejra.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s