Lino Farrugia (jibda) jibla kliemu lura

turtle doves just shot

 

Lino Farrugia tal-FKNK lest li jaċċetta moratorium volontarju fuq il-kaċċa tal-gamiem. Qed jirrealizza li, minkejja l-opposizzjoni tiegħu u ta’ dawk li appoġġawh (fosthom il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista) tmiem il-kaċċa fir-rebbiegħa xorta qiegħed fil-qrib. Għalissa għall-gamiem.

Issa b’elf skuża Lino beda t-triq biex jibla kliemu lura. Għax issa anke l-FKNK qed taċċetta li l-gamiem hu fi stat vulnerabbli. Ma kienx jaċċetta dan sa ftit taż-żmien ilu.

Alternattiva Demokratika hi kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fil-prinċipju għax ir-rebbiegħa hu ż-żmien li l-għasafar kollha jbejtu u jitkattru.

Id-deċiżjoni tal-IUCN li tpoġġi lill-gamiem fuq ir-Red List tal-ispeċi li huma taħt theddida ilha ġejja u ilna nafu biha żmien twil.

Tajjeb li issa anke l-FKNK (minkejja li qed tipprova titfa’ d-dubji) qed tirrealizza li hemm bżonn waqfien tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem.

Daqsxejn tard. Imma qed naslu ukoll. Għax Lino Farrugia qed jibla lura kliemu. Kull waħda li qal.

 

Spiċċa l-kafè

smell the coffee

 

Lino Farrugia waqt il-kampanja referendarja kien qalilna li jekk kaċċatur fil-kampanja jiltaqa’ ma xi ħadd għaddej jimxi dan probabbilment joffrilu kafè.

Jidher li ż-żgħażugħ Olandiż li kien f’Pembroke kmieni dal-għodu kien ftit sfortunat. Probabbilment li l-kaċċatur viċin tiegħu kien spiċċalu l-kafè għax minflok ma ngħata tazza kafè spiċċa ntlaqat biċ-ċomb.

Skond il-gażżetti online dan iż-żgħażugħ Olandiz intlaqat f’siequ  u spiċċa l-isptar biex ikun imdewwi għal feriti ħfief.

Dejjem skond il-gazzetti online iż-żgħażugħ spiċċa ukoll insulentat u mhedded.

Jidher li spiċċa l- kafè!

 

Il-logħob tan-nar u r-referendum abrogattiv

fireworks 11

Il-logħob tan-nar, il-manifattura u l-ħażna tiegħu huma regolati mill-Ordinanza dwar l-Esplożivi [Kapitlu 33 tal-Liġijiet ta’ Malta] u r-Regolamenti dwar Kontroll ta’ Xogħolijiet tan-Nar u Esplożivi Oħra [Legislazzjoni sussidjarja 33.03 – Avviż Legali 243 tal-1998 kif emendat].

Kemm l-ordinanza (artiklu 3) kif ukoll ir-regolamenti (regolament 4) jipprovdu li ħadd ma jista’ jipproduċi logħob tan-nar jew jaħraq xogħol tan-nar jekk ma jkollux liċenzja li joħroġ il-Kummissarju tal-Pulizija. Ir-regolamenti jipprovdu ukoll għal liċenzji differenti u għal taħriġ li tkun trid issegwi qabel ma tista’ tagħmel eżami biex il-Kummissarju tal-Pulizija jiddeċiedi jekk għandux joħroġ liċenzja. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ liċenzja għal kamra fejn jinħadem in-nar.

Li kieku kellu jsir referendum dwar il-logħob tan-nar dan ikun jista’ jsir biss biex jitneħħew dawn l-artikli fil-liġi (l-Ordinanza) u fir-regolamenti. Il-konsegwenza jekk referendum bħal dan jgħaddi tkun li ħadd ma jkollu bżonn liċenzja, u allura kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid. Nafu li l-iskop tar-regolamenti u l-liġijiet dwar il-kmamar tan-nar qegħdin hemm biex jgħinu fil-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa ta’ dawk li jaħdmu il-logħob tan-nar.

Referendum abrogattiv dwar il-logħob tan-nar jista’ biss ineħħi l-liġijiet u r-regolamenti li hemm u l-konsegwenza tkun mhux li jispiċċa d-delizzju, imma li ħadd ma jkollu bżonn permess jew liċenzja.

Tal-FKNK dan ma jgħiduhx. Staqsuhom għalfejn qed jgħaddukom biż-żmien.

Iż-Żwiemel u r-Referendum Abrogattiv

horse 11

 

Il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija – Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta’ Malta – jistabilixxi li ħadd ma jista’ jżomm żiemel sakemm ma jkollux liċenzja.

L-Ordinanza dwar Imħatri f’tiġrijiet [kapitlu 78 tal-liġijiet ta’ Malta] tittratta il-post fejn isiru it-tiġrijiet (racecourses). Tipprovdi li l-Ministru jista’ jagħti (jew jirtira) liċenzji.

Li kieku kellu jsir referendum abrogattiv dwar iż-żwiemel dan ikun jista’ jsir biss biex jitneħħew dawn l-artikli fil-liġi. Il-konsegwenza jekk referendum abrogattiv bħal dan jgħaddi tkun li ħadd ma jkollu bżonn liċenzja, u allura kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid.

Referendum abrogattiv dwar iż-żwiemel jista’ biss ineħħi l-liġijiet li hemm u l-konsegwenza tkun mhux li jispiċċa d-delizzju, imma li ħadd ma jkollu bżonn permess jew liċenzja.

Lino Farrugia tal-FKNK din ma qalilkomx. Staqsuh għaliex qed jgħaddikom biż-żmien.

 

Meta taqbeż iċ-ċinga

spring huntng

Qrajt l-istqarrija oriġinali li l-uffiċjali tal-FKNK qraw waqt il-konferenza stampa li kellhom il-bieraħ. Hemm differenza sostanzjali bejn dak li qalu huma u dak li irrappurtaw il-media.

Il-media kienet prudenti  u ħalliet barra l-attakki vojta u bla sens li l-FKNK għamlet kontra l-Birdlife, il-Fondazzjoni Gaia, Arnold Cassola Chairman ta’ Alternattiva Demokratika u David Camilleri Tal-Bediq kandidat Għawdxi ta’ Alternattiva Demorkatika.

Lill-uffiċjali tal-FKNK  Lino Farrugia u Joe Perici Calascione m’għandi xejn xi ngħid kontra tagħhom personalment. Ilni snin twal nafhom it-tnejn li huma. Il-kritika tiegħi hi kontra l-idejat li qed imexxu l-quddiem. Għandhom kull dritt imexxu l-quddiem l-ideat u l-ideali tal-membri tal-FKNK.  Naf li m’għandhomx bżonn lili biex jgħidilhom dan. Huwa dritt li jiena nirrispetta anke jekk diversi drabi, fil-fehma tiegħi, jesaġeraw kemm f’dak li jgħidu kif ukoll fil-mod kif jgħiduħ.

L-FKNK allura, issa bdiet ħidma fuq l-inizzjattiva tagħha. Triq li l-liġi dwar ir-referendum tkun emendata b’mod li jkunu rispettati dak li huma qed isejħu d-drittijiet tal-minoranzi.  Issa l-liġi dwar ir-referendum diġa tipproteġi dawn id-drittijiet. Fil-fatt id-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-Kostituzzjoni kif ukoll fil-Liġi dwar il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jistgħu jintmissu minn l-ebda referendum.  Dwar il-minoranzi, kontra dak li qed jgħidu tal-FKNK, jeżistu konvenzjonijiet u trattati li jiddefinuhom. Fosthom fil-Ġnus Magħquda. Fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi normalment nifhmu minoranzi reliġjużi, minoranzi kulturali jew assoċjati ma’ lingwa minoritarja kif ukoll minoranzi etniċi. Hemm ukoll obbligi li jirriżultaw minn liġijiet lokali u trattati internazzjonali li permezz tagħhom hi imħarsa d-diversita’ : dik dwar orjentazzjoni sesswali, kulur tal-ġilda jew razza.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

Il-proposta tal-FKNK li biha qed jitolbu lill-Parlament jibdel il-Liġi tar-Referendum biex referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ma jkunx jista’ jsir jirrifletti l-egħruq fondi tal-valuri demokratiċi li jħaddnu l-istess FKNK.  Jidher ċar li qabżitilhom iċ-ċinga. Għax tilfu kull tama li jikkonvinċu jridu jattakkaw il-proċess demokratiku tar-referendum.